Għall-ewwel darba fl-istorja, il-Gvern għamel garanzija bankarja għal konsorzju privat li se jibni proġett privat … garanzija bankarja ta’ 88 miljun ewro biex ikun kopert is-self tal-konsorzju privat Electrogas, magħżul biex jibni l-Power Station il-ġdida tal-gass. B’hekk, jekk tmur xi ħaġa ħażin fil-proġett tal-Electrogas, il-proġett li wiegħed Gvern Laburista jkun kopert xorta.
Iżda waqt konferenza tal-aħbarijiet, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista nsistiet biex il-Gvern ikun trasparenti dwar din il-garanzija bankarja. Il-konferenza tal-ahbarijiet kienet indirizzata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario De Marco, kif ukoll mix-Shadow Ministers Marthese Portelli u Claudio Grech, u mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Kristy Debono.
Mario de Marco nsista biex il-Gvern jippubblika l-kuntratti li ġew iffirmati b’rabta mal-proġett tal-enerġija li wiegħed il-Partit Laburista. Qal li jekk il-Gvern m’għandu xejn x’jaħbi, għandu jippubblika kollox minnufih.
Min-naħa tagħha, Marthese Portelli fakkret kif il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi rabtu l-futur politiku tagħhom mal-wegħda ta’ Power Station ġdida tal-gass, li tkun lesta fi żmien sentejn. Qalet li għandna Prim Ministru li lest juża’ flus il-poplu biex jagħmel tajjeb għal proġett mill-privat f’każ li l-istess proġett imur ħażin.
Claudio Grech staqsa x’wassal biex il-Gvern, għall-ewwel darba fl-istorja, ta garanzija bankarja lil konsorzju privat għal proġett suppost iffinanzjat mill-privat. Qal li waħda mir-raġunijiet hi li l-konsorzju Electrogas ma rnexxielux jiġġenera l-finanzjamenti meħtieġa u għalhekk kellu bżonn il-garanzija mill-Gvern.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Kristy Debono semmiet kif li kien għall-Gvern Laburista, dan kollu baqa’ moħbi għax kienet il-media li ħarġet l-istorja. Appellat biex il-Gvern jimxi mal-wegħda li għamel qabel l-elezzjoni ġenerali, jiġifieri li jkun trasparenti u jieqaf jaħbi mill-poplu.
//= $special ?>

