Lokali

Il-Knisja topponi shooting range fil-Mosta

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tal-Knisja espremiet tħassib kbir dwar il-kumpless propost ta’ shooting ranges fuq medda ta’ madwar 70 tomna art li tinkludi art agrikola fil-Busbesija, fil-Mosta ftit bogħod minn Mount St.Jospeh.

Fi stqarrija l-KA qalet li l-art li tinsab f’żona ’l barra miż-żoni tal-iżvilupp (ODZ) hija art ta’ high landscape value kif imfissra fil-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta. L-opinjoni tal-KA hija li l-użu ta’ din l-art għall-proġett propost se jħalli effett negattiv sostanzjali fuq il-kampanja Maltija.

Il-KA qalet li f’dan l-istadju wieħed għandu jsaqsi jekk hemmx xi tip ta’ obbligazzjoni li jingħata l-permess għall-iżvilupp tal-proġett tax-shooting ranges li ilu jkun reklamat fuq il-websajt ta’ l-iżviluppaturi tal-inqas għal dawn l-aħħar xhur u jekk it-trasferiment tat-tined għall-użu li huwa anċillari għax-shooting ranges ifissirx illi ż-żona tal-madwar issa tiġi “kommessa” u allura l-MEPA tħossha obbligata u tagħti l-permess tal-iżvilupp għall-kumpless tax-shooting ranges.

Il-KA staqsiet jekk dan il-kumpless tax-shooting ranges jeħtieġ iktar art pubblika minn dik li diġa ħarġet sejħa għaliha fis-Sejħa għall-Espressjoni ta’ Interess u s-Sejħa għall-Proposti.

F’Diċembru 2014 is-Segretarju Parlamentari għall-Isport kien ikkwotat li qal li l-bini ta’ shooting range ġdida kienet waħda mill-wegħdiet elettorali tal-Gvern u l-Gvern kien marbut li jlesti dan il-proġett fis-sentejn li ġejjin. Hu kien qal li kienu ġew identifikati żewġ siti potenzjali, imma deċiżjoni finali kienet għadha ma tteħditx.

Il-KA hija kontra wegħdiet u rbit li jsiru mill-partiti politiċi kemm fl-Oppożizzjoni u kemm fil-Gvern meta dawn il-wegħdiet u rbit iridu l-ewwel jiġu studjati bir-reqqa għall-impatti tagħhom fuq l-ambjent u l-użu tal-art. Wara li jsiru dawn l-istudji biss jista’ wieħed li għandu awtorità jieħu deċiżjoni infurmata u raġunata. Dan japplika speċjalment f’każijiet fejn il-wegħdiet u rbit li jsiru jkunu jirreferu għal żoni speċifiċi.

Il-KA qalet li wegħdiet u rbit bħal dawn imorru assolutament kontra proċess serju ta’ ippjanar. Il-kumpless propost ta’ shooting ranges qed ikun ippjanat li jsir viċin id-dar tal-irtiri Mount St Joseph. Il-kumpless qed ikun promoss mill-partijiet interessati bħala proġett nazzjonali. Iżda x’jagħmel proġett wieħed “nazzjonali” jew “ta’ interess nazzjonali”.

Il-KA rrimarkat jekk id-Dar tal-Irtiri ta’ Mount St Joseph hijiex fiha nnifisha proġett nazzjonali stabbilit sew u jekk għal dawn l-aħħar 50 sena, id-dar tal-irtiri, flimkien mal-ġonna u l-ambjent naturali, ipprovdietx ambjent fejn nies minn kull klassi soċjali, jemmnu f’Alla jew le, jistgħu jsibu spazju u ħin biex jirriflettu fuq ħajjithom. Dan il-post iżuruh 10,000 persuna fis-sena, sostniet il-KA, li staqsiet jekk għal dan l-iskop, il-post, huwiex rilevanti għal min ifassal policy. Il-KA temmen bis-sħiħ li l-kumpless tax-shooting ranges tant viċin dar tal-irtiri ma jistax ma jkollux impatt negattiv fuq post bħal dan.

Il-KA sostniet li l-paċi u t-trankwillità li l-ambjent tad-dar tal-irtiri joffri lill-pubbliku Malti jixraqlu li jkun protett. Dan m’għandux isir f’ġieħ il-Ġiżwiti imma f’ġieħ il-poplu Malti. Postijiet f’Malta bħall-ambjent ta’ Mount St Josepħ huma rari ħafna u għandhom ikunu protetti. Il-KA tissuġġerixxi li qabel ma joħorġu Sejħiet għal Espressjoni ta’ Interess għal art tal-Istat, il-Ġvern għandu jagħmel konsultazzjoni pubblika dwar l-aħjar użu xieraq ta’ dik il-proprjetà.

Il-Gvern għadu fil-ħin biex jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni li jagħti t-tined fil-Busbesija għal faċilitajiet anċillari għall-kumpless ta’ shooting ranges. Huwa għadu fil-ħin ukoll li jerġa’ jaħsibha dwar is-sapport tiegħu għall-iżvilupp propost ta’ kumpless ta’ shooting ranges f’din iż-żona. Deċiżjonijiet għaqlin li jittieħdu issa se jgħinu biex jevitaw impatt irreversibbli fuq il-kampanja iktar ‘il quddiem, sostniet il-KA.