Lokali Parlament

Il-Kummissjoni Elettorali m’għandhiex tkun l-awtorità li tirregola l-finanzjament tal-partiti

Il-Kummissjoni Elettorali daħlet f’ħafna kontroversji politiċi tul is-snin kif għadha f’kontroversja sal-lum fil-Qorti mal-Partit Nazzjonalista

Il-Viċi Kap għall-Ħidma tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, insista mal-membri tal-Gvern li l-awtorità li se tkun qed tirregola l-partiti politiċi u l-finanzjament tagħhom għandha tkun immexxija u mħaddma minn Kummissarju b’uffiċċju għalih maħtur u jwieġeb lill-Parlament u mhux din l-awtorità tkun immexxija mill-Kummissjoni Elettorali li daħlet f’ħafna kontroversji politiċi tul is-snin kif għadha f’kontroversja sal-lum fil-Qorti mal-Partit Nazzjonalista.

Id-diskussjoni dwar it-tmexxija tal-awtorità li se tirregola l-partiti politiċi kompliet illum waranofsinhar fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Abbozzi ta’ Liġijiet, bil-membri tal-Oppożizzjoni jsostnu li din hi pożizzjoni li l-Oppożizzjoni ilha tinsisti mal-Gvern li mhix qed taqbel fuq dan il-punt kruċjali.

Il-Kummissjoni Elettorali kienet l-awtur ta’ wieħed mill-episodji koroh għad-demokrazzija ta’ pajjiżna
Beppe Fenech Adami ikkoreġa lil Franco Debono, li kien maħtur mill-Gvern biex jagħtih pariri fit-tfassil tal-liġi li tirregola l-partiti politiċi, u spjega li fl-aħħar 50 sena kellna allegazzjonijiet serji, fosthom u ewlenin kienu l-kontroversji kbar qabel l-elezzjonijiet tal-1987 b’rabta ma’ kwistjonijiet ta’ tbagħbis fid-distretti, bil-Kummissjoni Elettorali kienet l-awtur ta’ wieħed mill-episodji koroh għad-demokrazzija ta’ pajjiżna.

Illum il-Kummissjoni hi f’battalja legali f’kawża fil-Qrati
Irrimarka wkoll u fakkar lill-membri tal-Gvern u lil Franco Debono li l-Kummissjoni Elettorali illum ukoll hi f’battalja f’kawża li fiha l-PN qiegħed isostni li għandu jingħata żewġ siġġijiet oħrajn, u dan wara żball tal-Kummissjoni li dwaru hemm qbil.

Beppe Fenech Adami sostna li hu skorrett u mhux reali li xi ħadd jagħti l-impressjoni li l-Kummissjoni Elettorali ma toħloqx kontroversji, għaliex min-natura tagħha stess il-Kummissjoni hi kontroversjali. M’għandux ikun li nitfgħu r-responsabbiltà f’idejn entità li tirregola l-partit u li tkun kontinwament f’kontroversja mal-partiti.

Il-proposta tal-Gvern hu awgurju ħażin u staqsa għal xiex hi r-reżistenta biex nagħmlu liġi aħjar. L-insistenza tal-gvern hi raġuni biex din l-awtorità titlaq fuq sieq ħażina.

L-Oppożizzjoni qed tipproponi Kummissarju approvat b’żewġ terzi tal-Kamra
Ix-Shadow Minister Chris Said spjega li l-proposta tal-Oppożizzjoni hi li flok il-Kummissjoni jinħatar Kummissarju approvat b’żewġ terzi tal-Kamra.

I-Ministru Owen Bonnici wieġeb li dan hu punt li m’hemmx qbil dwaru, bil-Gvern jemmen f’Kummissjoni għaliex hi l-Kummissjoni li tmexxi l-elezzjonijiet f’pajjiżna li dejjem qal qdiet il-funzjonijiet tagħha bl-aħjar mod.

Chris Said irrimarka li qed naqblu fuq awtorità regolatorja iżda li din ma tkunx il-Kummissjoni Elettorali, għaliex saħaq li hemm elementi kunfidenzjali tal-partiti li jistgħu jiġu leaked.

Materjal għand il-Kummissjoni Elettorali spiċċa għand id-Deputat Kap tal-Partit Laburista
Semma kif fl-aħħar xhur rajna li matejral fi ħdan il-Kummissjoni Elettorali spiċċa għand id-Deputat Kap tal-Partit Laburista. Saħaq li l-awtorità regolatorja għandu jkun uffiċjal nominat mill-Parlament bħalma hu l-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali.

Fost l-informazzjoni sensittiva li tingħata lill-awtorità regolatorja, Chris Said semma donazzjonijiet lill-partiti li jridu jiġu reġistrati għand l-awtorità. Argumenta li m’hemm ebda garanzija li dawn ma jingħaddux lil membri oħrajn fil-Kummissjoni. Saħaq li r-rappreżentanti tal-partit fuq il-Kummissjoni Elettorali huma leali wkoll lejn il-partit li jirrappreżentaw.

Franco Debono, fisser li dan hu dibattitu interessanti u s-suġġeriment tal-Oppożizzjoni hu validu. Irrimarka wkoll li dan hu suġġett ċentrali fid-diskussjonijiet li saru fil-konsultazzjoni pubblika wara l-white paper. Osserva wkoll li l-Kummissjoni Elettorali bit-tajjeb u l-ħażin, f’xi żmien tidħol f’kontroversja politika, iżda minkejja l-kontroversji, dejjem imxiet sew u ‘l quddiem, u hi istituzzjoni li tgawdi fiduċja.

Għal mistoqsija ta’ Beppe Fenech Adami biex jingħad liema huma dawk il-pajjiżi fejn l-awtorità regolatorja hi fdata f’idejn il-Kummissjoni Elettorali, Franco Debono qal li hemm pajjiżi oħra li jaddottaw is-sistema li din ir-responsabbiltà tkun f’idejn il-Kummissjoni Elettorali, filwaqt li ammetta li hemm bżonn ta’ riformi fil-Kummissjoni Elettorali.

Il-Kummissjoni Elettorali m’għandha ebda esperjenza fl-awditjar finanzjarju tal-partiti
Ix-Shadow Minister Claudio Grech qal li f’din il-liġi, qed nitkellmu fuq it-tħaddim finanzjarju u t-tħaddim tal-accounting tal-partiti politiċi. Il-Kummissjoni Elettorali m’għandha ebda esperjenza u m’għandhiex il-kapaċità ta’ kif tamministra l-accountancy u tħaddem dak li timponi l-liġi fir-rigward tal-finanzjament tal-partit. Dan m’għandux isir u jitħaddem mill-Kummissjoni Elettorali għaliex hemm eżerċizzju ta’ awditjar finanzjarju.

Bil-kontroll politiku, il-Kummissjoni Elettorali magħmula mir-rappreżentanti tal-partiti politiċi, mhix l-istituzzjoni adatta biex tagħmel l-awditjar tal-partiti politiċi.

Sejjaħ bħala mhix loġika r-rwol li se tingħata l-Kummissjoni Elettorali li tilqa’ l-informazzjoni finanzjarja tal-partiti politiċi, għaliex lanqas għandha kapaċità li tagħmel dan.

Fisser li l-partiti jridu kunfidenzjalità u kontroll strett u ħieles minn kull influwenza politika.