Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna li r-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina għandhom ikunu mibnija fuq il-fiduċja u t-trasparenza. Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Kap tal-Oppożizzjoni f’laqgħa li l-Partit Nazzjonalista kellu mad-delegazzjoni Ċiniża li bħalissa qed iżżur Malta. Il-laqgħa saret fil-bini tal-Parlament u għaliha attendew diversi Uffiċjali tal-Partit, fosthom is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar il-mod kif Gvern Nazzjonalista għamel 13-il ftehim bilaterali mal-Gvern Ċiniż f’ħames snin. Dan hu l-mod kif ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi għandhom jiżviluppaw, sostna Simon Busuttil, li enfażizza wkoll il-mod kif il-Partit Nazzjonalista jemmen li r-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina għandhom jiżviluppaw fil-kuntest ta’ Malta bħala pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea. Filfatt fil-ġimgħat li ġejjin il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil se jagħmel żjara uffiċjali fiċ-Ċina sabiex il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet maċ-Ċina.
Filwaqt li spjega l-importanza li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jissaħħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fl-aħħar sentejn kien hemm sitwazzjonijiet li fihom l-Oppożizzjoni trattat l-aspett tat-trasparenza fir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina. Dawn is-sitwazzjonijiet, spjega Simon Busuttil, kienu trattati mill-Partit Nazzjonalista mal-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta, li daħal fid-dettal tagħhom u trattahom bl-iskop li jkun hemm titjib fil-livell akbar ta’ trasparenza bejn Malta u ċ-Ċina.
Il-membru tal-Politburo Ċentrali tal-Partit Komunista Ċiniż Guo Jinlong, li qed imexxi d-delegazzjoni Ċiniża f’Malta u li kien is-sindku ta’ Beijing, tkellem dwar il-mod kif żviluppaw ir-relazzjonijiet ma’ Malta tul is-snin, kif ukoll il-kontribut li taw Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista biex dawn ir-relazzjonijiet jissaħħu.
Il-Mexxej tad-delegazzjoni Ċiniża saħaq fuq l-importanza tat-13-il ftehim bilaterali li l-Gvern Malti fl-aħħar snin iffirma mal-Gvern Ċiniż, filwaqt li sostna li l-poplu Ċiniz japprezza wkoll l-għajnuna li l-Gvern Malti kien ta lil madwar 5,000 Ċiniż fil-perjodu tar-rivoluzzjoni fil-pajjiżi Għarab peremzz tal-evakwazzjonijiet lejn Malta.
Dan mhux se ninsewh, sostna Guo, li kompla li l-poplu Ċiniż hu grat lejn il-poplu Malti għal dik l-għajnuna kbira f’mument delikat.
//= $special ?>


