Lokali Parlament

It-tifla ta’ Ministru u kuġin ta’ Segretarju Parlamentari b’impjieg mal-Gvern fi Brussell

Intagħżlu fost 111-il persuna li lkoll għaddew mill-proċess ta’ sejħa pubblika

It-tifla tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u l-kuġin tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg, ingħataw impjieg fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell. It-tnejn li huma ġew impjegati bħala Senior Policy Officers b’salarju fil-grad ta’ Skala 7 tas-servizz pubbliku.

Il-gazzetta In-Nazzjon illum żvelat li Katya Scicluna, it-tifla tal-Ministru tal-Finanzi, u Clint Borg, il-kuġin tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg, responsabbli mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea u mill-Presidenza tal-UE tal-2017, kienu fost 111-il persuna li għaddew minn proċess li sar wara sejħa pubblika approvata mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

L-impjieg mill-Gvern Malti fi Brussell tat-tifla tal-Ministru Edward Scicluna u tal-kuġin tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg, kienu żvelati fi tweġiba li ta fil-Parlament id-Deputat Prim Ministru Louis Grech, li hu wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami, staqsa lid-Deputat Prim Ministru jgħid hux minnu li t-tifla tal-Ministru tal-Finanzi u l-kuġin tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg ingħatawx impjieg fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell. Staqsa wkoll tingħata aktar informazzjoni dwar ix-xogħol tagħhom fi Brussell u jpoġġi wkoll kopja tal-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra.

Jirriżulta li s-sejħa pubblika għal vaganzi li kien hemm bħala Senior Policy Officers fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell, kienet ħarġet u ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tas-7 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra.

Sorsi qrib il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali qalu lil In-Nazzjon li wara l-konkorrenza qawwija li kien hemm is-sena li għaddiet meta ġie ppubblikat l-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern għal dawn l-impjiegi fi Brussell, u għaddew xejn inqas minn 111-il applikant, bilfors li “b’kumbinazzjoni” ġew minn ta’ quddiem ħafna t-tifla tal-Ministru Scicluna u l-kuġin tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg.

Dawn l-impjiegi jiżdiedu mal-lista li ma tispiċċa qatt ta’ impjiegi ‘Tagħna Lkoll’ li ngħataw f’dawn l-aħħar sentejn u tliet xhur, kemm fi Brussell kif ukoll fis-settur pubbliku. Fost dawn l-impjiegi kien hemm ukoll dawk approvati u li ngħataw kuntratt b’salarji qawwija fuq il-mertu ta’ position of trust tal-Ministri tal-Kabinett tal-Gvern ta’ Muscat.

Fost l-impjiegi li ngħataw fi Brussel mill-Gvern ta’ Muscat, tispikka l-kariga li ngħata Cyrus Engerer bħala l-Mibgħut Speċjali tal-Prim Ministru Muscat għall-Affarijiet Ewropej.

Cyrus Engerer hu ekskandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li kellu jirtira l-kandidatura tiegħu wara li nstab ħati mill-Qorti tal-Appell u ġie kkundannat sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża.

L-impjieg ta’ Cyrus Engerer fi Brussel iġorr miegħu pakkett finanzjarju ta’ €85,000 fis-sena, u nħariġlu wkoll passaport diplomatiku.