Lokali Qorti

L-arma li ntużat fl-isparatura tal-bieraħ għadha ma nstabitx

L-arma li ntużat fl-isparatura tal-bieraħ filgħodu fil-Belt għadha ma nstabitx. Dan ħareġ fil-Qorti, hekk kif illum tressaq Massimo Caruana, ta’ 35 sena mill-Belt, akkużat li spara fid-direzzjoni ta’ ħu t-tfajla tiegħu waqt argument fil-familja.

Massimo Caruana, li qal li ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati tal-attentat ta’ qtil ta’ Noel Mifsud (ritratt taħt) fl-isparatura li seħħet fi Triq l-Ixprun fil-Belt stess. Hu kien akkużat ukoll li ġarr arma tan-nar mingħajr il-liċenzja tal-Pulizija, li fera lil Mifsud, li hedded lil Mifsud u lil missieru Alfred, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika.

Caruana, li għandu wkoll proċeduri kriminali oħra pendenti, kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja marbuta ma’ żewġ każi pendenti, kif ukoll li sar riċediv. Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti tordna li Caruana jitlef is-somma ta’ aktar minn €14,000 marbuta mal-libertà proviżorja tal-akkużat.

Ċertifikat mediku li kien ippreżentat fil-Qorti juri kif l-akkużat spara lejn il-vittma minn distanza qasira ta’ bejn 1m u 2m, iżda fortunatament dan intlaqat biss bi żbrixx. It-tobba qalu li Mifsud kellu żewġ feriti, iżda l-bullet użata s’issa għadha ma nstabitx.

Id-Difiża, immexxija mill-Avukat Charmaine Cherrett, talbet għal-libertà proviżorja, iżda l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Daryl Borg u Kurt Zahra ma qablitx għax mill-investigazzjonijiet irriżulta li wara li spara lill-vittma, l-akkużat ipponta wkoll l-arma tan-nar lejn missieru.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ma laqgħet it-talba għal-libertà proviżorja minħabba l-gravità tal-akkużi u anke minħabba li jkun jista’ javiċina lix-xhieda.

Sadanittant, persuni li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li l-argument beda wara xi nuqqas ta’ ftehim bejn Caruana u Mifsud dwar flus u karozzi.

Noel Mifsud