Ambjent Lokali

L-MPs Laburisti siekta dwar jekk għandux isir żvilupp fiż-Żonqor

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament, il-Front Ħarsien ODZ qal li hu sodisfatt bit-tweġiba tal-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u tal-Membru Parlamentari Laburista Marlene Farrugia, li ddikjaraw li huma kontra li jsir żvilupp fiż-Żonqor. Min-naħa l-oħra, il-Front esprima d-diżappuntat li fi twegiba kollettiva, il-Grupp Parlamentari Laburitsa baqa’ ma weġibx għall-mistoqsija speċifika dwar jekk għandux isir żvilupp fiż-Żonqor. Il-Front Ħarsien ODZ qal li jilqa’ l-impenn tal-Membri Parlamentari tal-Partit Laburista, li fl-għażla tas-sit għandha tingħata prijorità lil użu ta’ binijiet eżistenti u żvilupp f’siti fiż-żona ta’ żvilupp.

Madankollu, il-Front jinsisti li qatt m’għandhom jiġu kkunsidrati siti barra miż-żona tal-iżvilupp. Jirriżulta li l-Membri Parlamentari tal-Partit Laburista wieġbu billi kwotaw parti mil-Pjan Strategiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED), li għadu ma ġiex approvat u li jipproponi li siti ODZ jistgħu jiġu kkunsidrati għal żvilupp jekk ma jinstabux siti vijabli fiż-żoni tal-iżvilupp. Front Ħarsien ODZ jaqbel mal-għaqdiet ambjentali li ddikjaraw li din il-klawsola fl-SPED tista’ toħloq ġustifikazzjoni għal żvilupp ODZ fil-kampanja u tmur kontra l-prinċipju tas-sostenibbiltà. Għalhekk, għandha titneħħa meta l-Parlament jiddiskuti l-SPED.

Il-Front Ħarsien ODZ sejjaħ ukoll lill-mexxejja ta’ partiti mhux rappreżentati fil-Parlament biex jiddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom. Il-Front qal li jaqbel maċ-Chairperson tal-AD Arnold Cassola, li s-sit kollu taż-Żonqor għandu jkun inkluż f’Park Nazzjonali skont kif diġà ġie aċċettat fil-Pjan Lokali tal-2006 u għalhekk m’għandu jsir l-ebda żvilupp fuq is-sit taż-Żonqor. Fil-futur, il-Front qal li se jistenna lill-Membri Parlamentari biex jiddikjaraw pożizzjoni dwar żviluppi oħra f’ODZ u se jistenna li jibqgħu konsistenti.

Il-Front Ħarsien ODZ sejjaħ lill-pubbliku biex jipparteċipa fil-Protesta Nazzjonali li se ssir is-Sibt fl-10am fil-Belt. B’sodisfazzjon innota li l-ebda Membru Parlamentari ma ddikjara ruħu favur l-iżvilupp fis-sit taż-Żonqor. Dan hu sinjal ċar li l-kampanja tal-Front kontra l-iżvilupp fiż-Żonqor hi waħda rebbieħa. Parteċipazzjoni qawwija fil-protesta tas-Sibt tista’ tagħmel id-differenza biex is-sit taż-Żonqor jiġi mwarrab għal kollox mill-iżvilupp, sostna l-Front Ħarsien ODZ.

Agħfas fuq l-istampi ta’ hawn taħt biex taqra r-reazzjonijiet tal-Gruppi Parlamentari:
Front Harsien ODZ Pozizzjoni Grupp Parlamentari PL
Front Harsien ODZ Pozizzjoni Grupp Parlamentari PN