Lokali

L-Oppożizzjoni se teżamina r-rapport ppreżentat mill-Grupp Tekniku għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet

Illum, l-Oppożizzjoni, permezz tax-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici, kienet preżenti għat-tnedija tal-istrateġija proposta mill-Gvern għal sistema ta’ pensjoni adegwata u sostenibbli. Huwa ċar li l-Grupp Tekniku għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet mexa u kompla jibni fuq ir-riformi fis-sistema tal-pensjonijiet li saru minn Gvernijiet preċedenti. Fil-fatt, kien il-Gvern Nazzjonalista li ntroduċa klawsola b’tali mod li kull Gvern għandu jagħmel reviżjoni strateġika ta’ din is-sistema kull ħames snin, u għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jemmen li din ir-reviżjoni hija opportuna u meħtieġa.

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista saħaq li huwa importanti li s-sistema tal-pensjonijiet tkun waħda adegwata għal-lum u għal għada, u tibqa’ sostenibbli. L-Oppożizzjoni mhix se tkun silenzjuża quddiem dawn il-proposti. L-Oppożizzjoni se tkun qed teżamina r-rapport li ġie ppreżentat sabiex wara li tagħmel l-istudji u l-konsultazzjonijiet, tkun tista’ tressaq il-veduti u r-rakkomandazzjonijiet tagħha.

Il-Partit Nazzjonalista kkonkluda li huwa importanti li l-Gvern jieħu nota ta’ dak li se jkunu qed jgħidu l-imsieħba soċjali, l-unions, l-assoċjazzjonijiet tal-anzjani u l-pensjonanti, u l-pubbliku in ġenerali, sabiex din l-istrateġija twieġeb għall-bżonnijiet tagħhom ukoll. Iż-żgħażagħ ukoll għandhom jingħataw l-opportunità biex jikkontribwixxu f’din id-diskussjoni, għaliex is-sitema tal-pensjonijiet għandha tkun waħda li tilqa’ u twieġeb għall-iżviluppi u t-tibdiliet li se jkunu qed isiru matul iż-żmien, u li se jkunu qed jolqtu ż-żgħażagħ tal-lum mill-qrib.