Internazzjonali Unjoni Ewropea

L-UNGERIJA: Se tibni lqugħ kontra l-immigranti mal-fruntiera

Peter Szijjarto, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ungeriż, ħabbar li kien se jinbena tip ta’ lqugħ tul il-fruntiera mas-Serbja biex l-immigranti irregolari ma jkomplux jidħlu fil-pajjiż.
Il-Ministru Ungeriż qal li pajjiżu ma setax joqgħod jistenna lill-Unjoni Ewropea biex issib soluzzjoni, allura l-Gvern ta’ Budapest kien se jieħu l-affarijiet f’idejh u jibni lqugħ għoli erba’ metri tul il-175 kilometru ta’ fruntiera mas-Serbja.
Tul dawn l-aħħar xhur, l-Ungerija rat żieda drammatika fl-immigranti irregolari li daħlu fil-pajjiż. Il-Gvern ta’ Budapest qal li s’issa kienu daħlu 54,000 immigrant din is-sena filwaqt li tul it-12-il xahar tal-2014, kienu daħlu total ta’ 43,000 persuna. Fix-xahar ta’ Jannar biss, il-Pulizija rreġistrat 10,000 persuna li kienu qasmu l-fruntiera illegalment.
Szijjarto qal li bħalissa l-immigrazzjoni kienet l-akbar problema li kienet qed tħabbat wiċċha magħha l-Unjoni Ewropea.
Aktar kemm jgħaddi żmien, il-Gvern Ungeriż aktar qed jadotta linja ħarxa kontra l-immigrazzjoni irregolari u qed ilesti biex jintroduċi liġijiet ibsin kontra dawk li jidħlu fil-pajjiż mingħajr il-permess meħtieġ.