Lokali Parlament

Spettur boarded out f’erbat ijiem

Is-seduta tal-Parlament tal-lejla li bdiet fis-6pm, kienet sospiża mill-Ispeaker wara biss 20 minuta wara li l-Oppożizzjoni nsistiet mal-Gvern biex xi ħadd mill-Ministri jew mill-Gvern iwieġeb u jagħti spjega u raġuni kif spettur tal-Pulizija għadda boarded out f’erbat ijiem.

Il-Gvern baqa’ jirrifjuta li jagħti spjegazzjoni ta’ din id-deċiżjoni li wasslet biex Spettur ressaq applikazzjoni biex jiġi boarded out, jiġi assessjat, jiġi eżaminat il-każ u tingħata deċiżjoni.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN Beppe Fenech Adami, li kien qiegħed jagħmel mistoqsijiet supplimentari għall-mistoqsija li ressaq lill-Ministru Carmelo Abela x-Shadow Miniter Jason Azzopardi, saħaq li hemm ħafna persuni li jieħdu x-xhur biex jgħaddu boarded out u li jkunu qed jirċievu trattamenti mediċi u minkejja dan xorta jdumu jistennew deċiżjoni x-xhur.

Insista li l-Gvern għandu jwieġeb dwar dan filwaqt li staqsa jekk l-Ispettur li ġie boarded out għandux diġà jew hux se jingħata impjieg ieħor b’salarju ta’ aktar minn €50,000.

Għall-mistoqsijiet li kien qiegħed iressaq Beppe Fenech Adami biex xi ħadd mill-Gvern iwieġeb hekk kif is-Segretarju Parlamentari Ian Borg baqa’ jitlob lill-Oppożizzjoni biex tagħmel il-mistoqsijiet bil-miktub għaliex ma kellux informazzjoni li kienet qed tintalab, u li ma kellu xejn aktar xi jżid ma’ dak li qara fit-tweġiba oriġnali. Spjega wkoll li l-Ministru Carmelo Abela li lilu saret il-mistoqsija, jinsab imsiefer fuq xogħol tal-Gvern.

Wara l-insistenza tal-Oppożizzjoni biex xi ħadd mill-Ministri tal-Gvern iwieġeb u jgħid jekk hux normali li applikazzjonijiet biex persuna tgħaddi boarded out titressaq u tiġi deċiża f’erbat ijiem, bis-Segretarju Parlamentari Borg jibqa’ jirrepeti l-istess tweġibiet, Beppe Fenech Adami talab lill-Ministru Michael Farrugia, responsabbli mis-servizzi soċjali, biex iqum hu u jwieġeb fil-Parlament.

Quddiem din it-talba, reġa’ kien is-Segretarju Parlamentari Ian Borg li qam biex jirrispondi, bl-Oppożizzjoni tirrimarka li l-Ministru Michael Farrugia li kien fil-Kamra, iqum hu biex iwieġeb il-mistoqsija.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco, insista wkoll fil-ħin li daħal il-Viċi Prim Mnisitru tal-Gvern Louis Grech biex ikun hu li jwieġeb f’isem il-Gvern u jgħid jekk hux normali li talba biex persuna tkun boarded out titressaq u tiġi deċiża f’erbat ijiem.

Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech irrimarka li fl-assensa ta’ Ministru, għandu jkun Ministru ieħor tal-Gvern li jkun l-Aġent Ministru li jwieġeb fil-Parlament. Saħaq ukoll li l-Gvern hu fid-dmir li jinforma b’dan lill-Oppożizzjoni.

Fit-tweġiba li ta l-Viċi Prim Ministru Louis Grech, qal li din hi matejra suġġettiva u li hu mhux se jkun qed iwieġeb għal ħaġa suġġettiva.