Rapport tal-UNHCR (l-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti) juri li fl-aħħar tal-2014 kien hemm 59.5 miljun persuna li kienu mġiegħlu jaħarbu minn djarhom minħabba gwerer, kunflitti u persekuzzjoni. Din iċ-ċifra hi meqjusa l-ogħla li qatt ġiet irrekordjata u qed tiżdied b’mod mgħaġġel ħafna. Nofs il-persuni huma meqjusa tfal taħt l-età.
Ir-rapport juri li d-differenza fin-numru ta’ persuni li qed jaħarbu minn djarhom, bejn l-2013 u l-2014 kienet l-ikbar differenza li qatt seħħet fi żmien sena. Minn 51.2 miljun persuna fl-aħħar tal-2013, din telgħet bi 8.3 miljun persuna. Għaxar snin qabel, dawk li ħarbu minn djarhom kienu 37.5 miljun persuna.
Skont ir-rapport, l-ikbar bidla ġabha l-kunflitt fis-Sirja. Is-sena li għaddiet, mis-Sirja biss 42,500 persuna ta’ kuljum ġew dikjarati refuġjati, li qed ifittxu l-ażil jew li kellhom jiċċaqilqu minn djarhom. Skont il-UNHCR, madwar id-dinja, persuna minn kull 122 hi meqjusa refuġjat, persuna li tfittex l-ażil jew li kellha taħrab minn postha. L-aġenzija tgħid ukoll li kieku dawn flimkien kellhom jiffurmaw popolazzjoni ta’ pajjiż, kienet tkun l-24 l-ikbar popolazzjoni ta’ pajjiż fid-dinja.
Fl-Ewropa, kien hemm żieda ta’ 51% fin-numru ta’ persuni li kellhom jaħarbu, l-iktar mis-Sirjani li marru fit-Turkija u mill-Ukreni li marru fir-Russja, għal total ta’ 6.7 miljun ruħ. Sal-aħħar tal-2014, it-Turkija kienet l-iktar pajjiż Ewropew li laqa’ immigranti, li telgħu għal 1.59 miljun Sirjan. L-ikbar talbiet għall-ażil seħħew fil-Ġermanja u fl-Iżvezja.
Sadattant, ħareġ li delegazzjoni tal-grupp dwar Detenzjoni Arbitrarja fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, se żżur Malta bejn nhar it-Tlieta u l-Ħamis li ġejjin, biex tevalwa jekk sarx żvilupp wara r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Gvern Malti fl-2009 b’rabta ma’ detenzjoni ta’ immigranti u biex tevalwa l-passi meħtieġa biex Malta tkun qed issegwi b’mod sħiħ r-rakkomandazzjonijiet mogħtija.
L-esperti indipendenti, mistiedna f’Malta fuq stedina tal-Gvern Malti, se jkunu akkumpanjati minn rappreżentanti tan-Nazzjonijiet Uniti u se jżuru wkoll ħabsijiet u ċentri ta’ detenzjoni.
//= $special ?>

