Lokali

Aġġornata: Intervent f’waqtu mill-Pulizija jwaqqaf argument bejn il-familja li seta’ eskala fil-Ħamrun

1.50pm: Intervent f’waqtu mill-Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun wassal biex tkun evitata sitwazzjoni li setgħet teskala wara argument fi Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamun bejn membri tal-istess familja.

L-argument, li beda ftit wara n-12.30pm, laħaq il-qofol tiegħu quddiem il-Knisja Parrokkjali u ħoloq kaos f’din it-triq prinċipali. Wara rapport li wasal fl-Għassa tal-Ħamrun, numru ta’ Pulizija marru fil-post biex jikkalmaw is-sitwazzjoni.

Bl-intervent tal-Pulizija, kien evitat li wieħed mill-persuni involuti jaggredixxi persuna oħra għax dan twaqqaf fil-ħin. Mhux magħruf x’wassal għal dan l-argument.

Minn informazzjoni li kiseb MaltaRightNow.com jirriżulta li ħadd ma ġie arrestat mill-Pulizija, għalkemm il-Pulizija rrappurtat il-każ.

Aktar kmieni …
12.40pm: F’dawn il-ħinijiet, il-Pulizija qed jintervjenu biex iwaqqfu ġlieda bejn il-familja fil-Ħamrun.

Mill-ewwel dettalji li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li l-ġlieda oriġinat ma’ tul Triq il-Kbira San Ġużepp u laħqet il-qofol tagħha quddiem il-Knisja Parrokkjali.