Għawdex Lokali

Aġġornata: Ix-xufier ta’ Justyne Caruana nvolut f’ħabta kerha li għalqet għal xi ħin l-aċċess fi Triq l-Imġarr

Ix-xufier tas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana kien involut f’ħabta kerha bejn tliet karozzi, li seta’ kellha konsegwenzi aktar serji għax-xufiera ta’ waħda mill-karozzi involuti. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-2.45pm fi Triq l-Imġarr u kawża tiegħu din it-triq ewlenija f’Għawdex kienet magħluqa għal aktar minn siegħa u kwart mit-traffiku.

Persuni li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com staqsew x’setgħet kienet ir-raġuni li t-triq ingħalqet għal daqstant ħin twil, filwaqt li staqsew jekk ir-raġuni kinitx l-involviment tal-vettura tal-Gvern ta’ Justyne Caruana. Jidher li Caruana ma kinitx fil-vettura waqt il-ħin tal-inċident, iżda ftit tal-ħin wara waslet fil-post biex tara l-kundizzjoni ta’ saħħet il-persuni involuti.

Persuni li raw ix-xena qalu li l-vettura bix-xufier ta’ Justyne Caruana ma kellux in-number plates tal-“GM”, iżda mhux ċar jekk dawn tneħħewx mix-xufier wara li sar l-impatt. Il-ħabta bejn il-vetturi kien daqstant kbir li waħda minnhom kellha ħsarat estensivi fil-parti ta’ quddiem. Barra minhekk, il-vettura bix-xufier ta’ Justyne Caruana dehret li ntlaqtet sew ukoll, tant li nħarġilha l-airbag.

Sadanittant, kienet involuta wkoll vettura oħra, li aktarx intlaqtet kawża tal-impatt bejn iż-żewġ vetturi l-oħrajn. Is-sewwieqa tat-tliet vetturi huma raġel ta’ 57 sena mill-Qala, żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Munxar u żagħżugħa ta’ 20 sena minn Raħal Ġdid. Fortunatament, ħadd ma weġġa’ fl-inċident għalkemm wieħed mis-sewwieqa ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura minħabba li ħass uġigħ f’dahru.

Justyne

(Ritratti: Newsbook)

Aktar kmieni …
3.45pm: Inċident ta’ traffiku li seħħ ftit tal-ħin ilu fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem wassal biex it-triq tinsab magħluqa għat-traffiku.

Madankollu, sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li l-vittma fl-inċident sofra biss feriti ħfief, għalkemm il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.