Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, li bħalissa jinsab għaddej minn nofs kontroversja hekk kif qed tissejjaħ ir-riżenja tiegħu minħabba l-involviment tiegħu fl-iskandlu ta’ Gaffarena, gideb lill-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Godfrey Farrugia meta qallu li hu mhux veru kien siefer ma’ Gaffarena għal holiday.
Kien Godfrey Farrugia nnifsu li żvela dan meta mistoqsi minn dal-istazzjon jekk hu kienx jaf li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon siefer ma’ Gaffarena – l-istess persuna li mar għandu Kastilja biex jinnegozja d-deal jinten tal-esproprjazzjoni ta’ nofs propjetà fi Strada Zekka.
Kif spjega Godfrey Farrugia, kien hu stess, fir-rwol tiegħu ta’ Whip, li staqsa lil Michael Falzon jekk hux veru li siefer ma’ Gaffarena. Iżda t-tweġiba tas-Segretarju Parlamentari Falzon lill-Whip kienet fin-negattiv.
Madanakollu, meta ffaċċjat bi kritika mill-media kollha, kif ukoll mill-poplu Malti u Għawdxi, Michael Falzon kellu jammetti li mar ma’ Gaffarena għall-kaċċa barra minn Malta.
Aktar tard, l-istess Michael Falzon saħansitra ammetta li l-mawra ma’ Gaffarena kienet fl-Ingilterra.
Fil-laqgħa li Michael Falzon kellu ma’ Gaffarena f’Kastilja, s-Segretarju Parlamentari qal lill-Gaffarena biex imur jiddiskuti f’aktar dettall id-Dipartiment tal-Artijiet. Fil-Lands, Gaffarena kien ikun akkumpanjat minn Clint Scerri, uffiċjal f’Kastilja – magħruf bħala l-King tal-Lands – bniedem tal-fiduċja ta’ Michael Falzon. Imbagħad, kien Michael Falzon innifsu li ffirma ż-żewġ deals jintnu – li kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil – għandhom riħa tinten ta’ korruzzjoni.
L-Oppożizzjoni qed tinsisti li Michael Falzon jerfa’ r-responsabbiltà politika u l-Prim Ministru Joseph Muscat jaġixxi minnufih.
//= $special ?>

