Futbol Sport

Futbol tan-Nisa – Tazza tad-Dinja

Franza jumiljaw lill-Messiku
Franza spiċċaw fl-ewwel post ta’ Grupp F hekk kif ġabu fix-xejn lill-Messiku u rebħulhom 5-0. Kienu għaddew biss 35 sekonda meta Franza fetħu l-iskor permezz ta’ Marie Laure Delie. Għaddew tmien minuti u l-Franċiżi irduppjaw meta minn azzjoni ta’ corner Jennifer Ruiz tefgħet il-ballun fix-xibka tagħha stess. Il-gowls komplew ġejjin u fit-13-il minuta Eugenie Le Sommer għamlet l-iskor 3-0 wara azzjoni orkestrata tajjeb. L-istess plejer reġgħet skurjat, din id-darba fit-36 minuta minn rebound wara li l-gowlkiper Cecilia Santiago naqqset mili ssalva xutt tal-avversarji.

 
Fit-tieni taqsima l-andament tal-logħba baqa l-istess u meta kien fadal 10 minuti Amandine Henry skurjat gowl mill-isbaħ b’xutt minn barra l-kaxxa, gowl li żgur se jkun inkluż fil-lista tal-aqwa gowls tat-turnament.

 
Il-Brażil għadda għall-fażi li jmiss b’rekord perfett meta għeleb lill-Costa Rica 1-0. Il-Brażil hu fil-fatt wieħed minn żewġ timijiet li f’din il-fażi rebaħ kull partita. Minħabba li kienu diġa’ għaddew, it-tim tal-Brażil kien nieqes minn diversi plejers titulari imma xorta waħda iddomina matul id-90 minuta.
Meta kien fadal sitt minuti Raquel skurjat l-uniku gowl tal-logħba biex fl-itess ħin dan ir-riżultat fisser li minn dan il-grupp għaddew il-Brażil u l-Ġappun filwaqt li l-Costa Rica sfaw eliminati.

 
Il-Korea wettqu rimonta biex għelbu lil Spanja 2-1 biex b’hekk għall-ewwel darba fl-istorja huma għaddew għall-fażi tan-knockout tat-Tazza tad-Dinja. B’din it-telfa, Spanja sfaw eliminati.L-Ispanjoli iddominaw fl-ewwel taqsima u l-vantaġġ tagħhom kien wieħed meritat. Kif għaddiet nofs siegħa l-midfielder Boquete fetħet l-iskor wara li irċiviet ballun tajjeb mingħand Marta Corredera.

Fit-tieni taqsima l-Kroeani bdew deħlin aktar fil-logħba u fil-53 minuta Cho Soyun ġabet id-draw permezz ta’ daqqa ta’ ras. Minkejja li wara dan il-gowl kien hemm reazzjoni ta’ Spanja, kienu l-Koreani li sabu x-xibka. Il-gowl wasal fit-78 minuta u kien skurjat minn Kim Sooyun u minn hemm ‘il quddiem il-Koreani iddefendew tajjeb fl-aħħar 10 minuti biex ħadu dak li riedu.

 
Logħba oħra li intemmet bi skor ta’ 2-1 kienet dik bejn l-Ingilterra u l-Kolombja. L-Ingilterra rebħet 2-1 kontra t-tim li qabel il-partita kien diġa’ jaf li ikkwalifika għall-fażi li jmiss.

 
Mal-kwarta logħob free kick tal-Ingliża Steph Houghton kien salvat minn Sandra Sepulveda imma mir-rebound Carney ma żbaljatx biex għamlet l-iskor 1-0. Fit-38 minuta l-Ingilterra ingħataw penalty meta Aris misset il-ballun b’idejha fil-kaxxa u mill-11-il metru Williams skurjat biex tat vantaġ doppju lil-Ingliżi. Il-gowl tal-bandiera tal-Kolombja wasal prorpju fid-90 minuta u kien skurjat minn Andrade.