Lokali Qorti

Ħallelin jammettu li heddew żewġ nisa bi skieken – Ma jintbagħtux il-ħabs minkejja li riċedivi

Tliet ħallelin żgħażagħ, li ammettew li heddew lil żewġ nisa bi skieken u li weġġgħu mara minnhom, ma ntbagħtux il-ħabs minkejja li kisru l-kundizzjonijiet ta’ sentenza preċedenti.

Khaled Mahmud Abdulkasem, ta’ 19-il sena u Mohamed Abungab, ta’ 22 sena, it-tnejn Libjani, u żagħżugħ ta’ 15-il sena minn San Pawl il-Baħar, iddikjaraw il-ħtija tagħhom wara li iktar kmieni ċaħdu l-akkużi kontrihom.

It-tlieta li huma ġew arrestati wara li żewġ nisa għamlu rapport lill-Pulizija li, fil-21 ta’ Mejju għal-ħabta tat-3.30am, ġew miżmuma b’sikkina u tteħdulhom ħwejjiġhom. It-tlieta li huma ħarbu mill-post b’karozza ta’ waħda miż-żewġ nisa imma kienu ġew arrestati ftit wara.

Is-sid tal-karozza, li għandha 41 sena, qalet li kienet bilqiegħda fuq l-għatba tad-dar meta tfaċċaw it-tliet żgħażagħ, imbuttawha ’l ġewwa, heddewha u lil mara oħra ta’ 68 sena. Iż-żgħażagħ serqu skieken, telefon ċellulari, €50 fi flus kontanti u ċ-ċwievet tal-karozza li mbagħad ħarbu biha. Il-karozza ġiet innutata mill-Pulizija f’Tas-Sliema lbieraħ.

Fil-Qorti ħareġ li meta raw lill-Pulizija, it-tliet żgħażagħ waqqfu l-karozza f’San Ġiljan u ħarbu bil-mixi. L-ewwel li ġie arrestat kien iż-żagħżugħ ta’ 15-il sena mbagħad iż-żewġ Libjani.

Il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona nnota li t-tlieta li huma kienu nstabu ħatja għal reati preċedenti u Abdulkasem kien ukoll kiser sentenza sospiża meta wettaq dan ir-reat. Lil dan tal-aħħar, il-Maġistrat tah multa ta’ €2,336 u €116 oħra talli kien qed iġorr arma waqt ir-reat waqt li estendielu s-sentenza sospiża tiegħu b’erba’ snin oħra. Iż-żewġ akkużati l-oħra ngħataw multa ta’ €116 għall-ġarr t’arma u tqiegħdu fuq probation għal tliet snin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Jonathan Ransley waqt li għall-akkużati dehru l-avukati Noel Bianco għal-Libjani u David Gatt għaż-żagħżugħ ta’ 15-il sena.