Il-Front Ħarsien ODZ ilmenta mill-mod xejn trasparenti li bih intagħżlet l-art għall-proġett ta’ unviersita’ ġdida fiż-Żonqor.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament, fejn nhar is-Sibt li ġej se ssir protesta nazzjonali kontra l-izvilupp fiz-Zonqor minn investituri Ġordaniżi, il-Front tenna d-dispjaċir tiegħu li għadu ma ġiex pubblikat il-ftehim mal-investituri li se jibnu din l-universita’.
Il-kelliem tal-Front Charlot Cassar semma kif il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA Johann Buttigieg kien involut direttament fl-għażla tal-post għall-universita’. Qal li dan hu fatt inkwetanti għax dan l-aġir ipoġġi theddida għall-pajjiż.
Sostna li l-Indipendenza tal-pajjiż fissret ukoll ir-rispett ta’ prinċipji bażiċi ta’ governanza u trasparenza li għandhom jiġu rispettati.
Minn naħa tiegħu Michael Briguglio qal li l-Front kien ixxukkjat b’dak li ħareġ riċentament fejn fost l-oħrajn sar magħruf li l-uffiċċju tal-Prim Ministru ordna li jintagħżel post minn fost numru ta’ siti li lanqas biss kienu jikkwalifikaw, ħlief iż-Żonqor.
Briguglio fakkar li dwar dan il-proġett sar biss studju superfiċjali u anonimu minn nies li għadna ma nafux min huma. Rapport fantażma bi ftit dettalji.
Ikkritika wkoll il-fatt li l-Gvern ta direzzjoni lill-MEPA li l-proġett isir fix-Xlokk. “F’pajjiż żgħir bħal tagħna hu ovju li din id-direzzjoni saret biex ikkwalifika biss post wieħed, dak li filfatt intagħżel,” qal Michael Briguglio.
Semma’ wkoll kif id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr konsultazzjoni mal-bqija tal-ħaddiema tal-MEPA, b’mod speċjali dawk fid-Direttorat tal-Ambjent.
Il-protesta nazzjonali għall-ħarsien taż-Żonqor li s-Sibt li ġej tibda fl-10.00 ta’ filgħodu, diġa’ sabet l-appoġġ tal-NGOs kollha tal-ambjent, l-Oppożizzjoni, id-Deputat tal-Gvern Marlene Farrugia u l-whip Godfrey Farrugia fost l-oħrajn.
//= $special ?>

