Futbol

Il-Kolombja tegħleb lill-Brażil

F’partita mimlija tensjoni l-Kolombja kisbu rebħa rari ta’ 1-0 kontra l-Brażil f’konfront minn Grupp Ċ. Iż-żewġ timijiet spiċċaw jilagħbu b’10 plejers meta fl-aħħar minuta tkeċċa Neymar għal Brażil u Bacca tal-Kolombja. Din kienet biss it-tielet darba minn total ta’ 28 partita li l-Kolombja għelbu lill-Brażil. Barra minn hekk, il-Kolombja rebħu biss darba kontra l-Brażil f’logħba kompettittiva, fil-Copa America tal-1991.

 
Din kienet l-ewwel telfa għall-kowċ Dunga sa minn meta dan inħatar għat-tieni darba fil-karriera tiegħu bħala kowċ tal-Brażil. Sa qabel il-partita l-Brażil kien ġej minn 10 rebħiet konsekuttivi filwaqt li minn naħa tagħhom il-Kolombja riedu jwettqu reazzjoni wara li kienu tilfu l-ewwel logħba kontra l-Venzuela.
Kien fit-36 minuta meta l-Kolombja skurjaw l-uniku gowl tal-logħba meta minn azzjoni ta’ free kick mogħti minn Cuadrado, il-ballun wasal għand id-difensur Murillo qabel ma dan skurja mill-viċin għal skor ta’ 1-0. L-istess plejer, minbarra li skurja dan il-gowl importanti kellu wirja mill-aqwa fid-difiża flimkien ma sieħbu Zapata li flimkien rażżnu lil Neymar u sħabu.

 
Hekk kif ir-referee saffar tmiem il-partita kien hemm argument jaħraq bejn il-plejers u l-istess referee spiċċa jkeċċi lil Neymar u Bacca.