Knisja Lokali

Il-Kunsill tas-Siġġiewi u d-Dar tal-Providenza b’Forum dwar Dun Mikiel Azzopardi u l-50 sena tad-Dar

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u d-Dar tal-Providenza organizzaw Forum bit-tema: “Dun Mikiel Azzopardi u l-50 sena tad-Dar tal-Providenza”. Din kienet serata ta’ tifkiriet u esperjenzi minn persuni li b’xi mod jew ieħor, u f’xi ħin jew ieħor, missew mal-kobor ta’ Dun Mikiel u raw b’għajnejhom il-mirakli li l-Providenza għamlet u għadha tagħmel mad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Is-serata kienet tinkludi wkoll dokumentarju qasir dwar il-ħajja ta’ Dun Mikiel Azzopardi.

Is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina tkellem dwar is-sehem tas-Siġġiewi fil-ħajja tad-Dar tal-Providenza, kemm minħabba l-lokalità, iżda aktar minhekk minħabba l-għadd ta’ Siġġiewin li jaħdmu fid-Dar bħala carers, support workers u f’taqsimiet oħrajn. Hu ħabbar li aktar ‘il quddiem se jkun inawgurat monument f’gieħ Dun Mikiel fi triq imsemmija għalih fis-Siġġiewi. Min-naħa tiegħu, id-Direttur tad-Dar Fr Martin Micallef irringrazzja lill-Kunsill Lokali u ppreżenta rigal ta’ apprezzament lis-Sindku tas-Siġġiewi.

Kelliema oħra li qasmu l-esperjenzi tagħhom waqt din l-attività kienu n-neputi ta’ Dun Mikiel Dr Tonio Azzopardi, il-Kollaboratur ta’ Dun Mikiel fl-Azzjoni Kattolika u fuq il-mezzi tax-xandir Paul Mifsud, l-eks Amministratur tad-Dar John Micallef, il-ġenituri ta’ residenta b’diżabbiltà intellettwali Edna u Antoine Barbara, Angela Agius, li hi persuna nieqsa mis-smigħ u li kienet residenti fis-Siġġiewi iżda issa qed tgħix ħajja indipendenti f’darha, Sr Gesuina Mangion tal-Karità, li ilha fid-Dar tal-Providenza mill-1977, Mons Lawrence Gatt, Direttur tad-Dar wara Dun Mikiel sal-2008 u l-eks Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD) Joe M Camilleri.