Internazzjonali

Aġġornata: Il-Papa jinsisti li l-bniedem irid jirrispetta l-ambjent

Illum kienet pubblikata l-enċiklika tal-Papa Franġisku dwar l-ambjent.

L-enċiklika, wieħed mid-dokumenti l-aktar importanti li jinħareġ minn Papa tistqarr li l-bniedem qed jonqos fid-dover tiegħu lejn l-ambjent u appella għar-responsabbilta u kritika l-mentalita li kollox għandu jiġi sfruttat għall-flus, bil-konsegwnzi jbatihom l-aktar vunerabbli u l-ambjent.

Fl-udjenza ġenerali tal-Erbgħa, b’referiment għall-enċiklika, il-Papa qal li l-ħsara li qed isir qed teffettwa lil kullħadd u appella għal responsabbilta.

Il-Papa qal ukoll li l-bdil li qed ikun hawn fil-klima dinjija fil-parti kbira hi tort tal-bniedem u d-dinja kienet ta’ kullħadd mhux tas-sinjuri biss.

Sadanittant, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon l-ewwel Enċiklika tal-Papa Franġisku bl-appell imqanqal biex l-Ambjent ikun prijorità fid-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu fuq livell dinji.

Filwaqt li qal li se jkun qed janalizzaha f’aktar dettal, il-Partit Nazzjonalista sostna li din l-Enċiklika hi relevanti wkoll għal Malta, fejn l-Ambjent reġa’ hu prijorità politika minħabba n-numru ta’ deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lill-Gvern Laburista biex jispira ruħu mill-kliem tal-Papa Franġisku dwar l-Ambjent u jara li d-deċiżjonijiet li jieħu jkunu studjati u fl-interess ambjentali ta’ pajjiżna.