Lokali Parlament

Pjanti dwar riklamazzjoni f’idejn in-nies u l-Gvern ma jitkellimx dwarhom

Il-Gvern għandu jispjega dwar xnigħat ta’ pjani għal riklamazzjoni fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar

Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea talab lill-Gvern ikun ċar u jwieġeb jew jirreaġixxi għax-xnigħat li qed jingħadu ħafna fuq ir-riklamazzjoni tal-art. Staqsa lill-Gvern jispjega dwar ix-xnigħat ta’ pjani għal riklamazzjoni fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, b’nies jitkellmu li diġà għandhom il-pjani f’idejhom bil-Gvern jgħid li s’issa għad m’hemmx applikazzjonijiet dwar dan.

Meta tkellem dwar ir-rapport ippreżentat fil-Parlament dwar il-MEPA, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u Investimenti tal-Gvern, qal li l-allegazzjonijiet huma li saru laqgħat dwar proposti għal riklamazzjoni iżda ħadd ma jaf x’inhi l-verità. Staqsa wkoll jekk f’dawn il-laqgħat li jingħad li saru, ingħatax l-impressjoni li dan hu approvat.

Ċensu Galea semma li x-xnigħat huma marbuta ma’ riklamazzjoni għal lukanda, yacht marina u shopping arcade, u dan qabel ma hemm xi forma ta’ applikazzjoni.

Tkellem ukoll dwar il-pjani li kienu żvelati għal cruiseliner terminal f’Għawdex, bil-pjanti jiġu wkoll ippubblikati iżda l-Gvern jibqa’ ma jitkellem xejn.
Semma li periti serji ma jiżbaljawx dwar proġetti ta’ dan il-kobor u dimensjoni u għaldaqstat hemm ħafna xi jwieġeb dwar dan il-Gvern.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li fejn jidħol l-ippjanar u l-kostruzzjoni l-Gvern għandu jkun ċar. Irrimarka wkoll li għandu wkoll ikun hemm pjani ċari u komuni dwar il-parkeġġi. Semma li għandna ħafna binjiet li jqanqlu ħafna mistoqisjiet dwar il-policies li għandhom jiġu applikati.

Taqtigħ ta’ qalb u nkwiet mhux żgħir fit-tmexxija tal-MEPA
Filwaqt li qal li hu d-dover tal-politiċi u tal-uffiċjali tal-MEPA li juru serjetà f ‘settur sensittiv bħalma hu l-amnjent u l-ippjanar f’pajjiżna, fisser li hemm ħafna taqtigħ ta’ qalb u nkwiet mhux żgħir fit-tmexxija tal-MEPA, b’ħafna jippreferu li jagħlqu ħal qhom għax ikun aħjar li ma jitkellmux.

Appella biex nifhmu li lkoll għandna responsabbiltà mhux lejn il-gevrn tal-ġurnata, iżda lejn dak li hu fl-interess ta’ pajjiżna.
Tkellem dwar il-vuċi li għandha tingħata lill-għaqdiet ambjentali u qal li għandna naraw li nkunu f’qagħda li kulħadd jesprimi ruħu u ma jibżax. Mhix il-funzjoni tal-MEPA li tiddeċiedi hi bla ebda forma ta’ studji serji dwar jekk post għandux jinbena jew le. U dan l-aktar meta ċertu żvilupp jiġi mill-politiċi li jiddeċiedu huma.

Waħda mill-punti radikali fit-twaqqif tal-MEPA kienet it-trasparenza u semma kif l-uniku kriterji li qed jiġu applikati huma biss skont id-deċiżjonijiet tal-politiku. Apella biex dawk li qed imexxu l-MEPA għandhom ikunu minn ta’ quddiem biex jieqfu anke għal dak li jkun qiegħed jipproponi l-Gvern.

Periti jippreferu jagħlqu ħalqhom minflok jitkellmu
Ċensu Galea qal li hu nkwetanti llum, iżda jifhem għaliex il-periti jippreferu jew jagħżlu li jagħlqu ħalqhom minflok jitkellmu u jgħidu r-realtà dwar il-MEPA minħabba l-biżà li jista’ jkun affettwat ix-xogħol tagħhom.

Fisser li rridu nammettu li f’Malta, fiċ-ċokon u d-diffikultajiet tagħna, il-politiku repsonsabbli min dan is-settur għandu jimxi b’ċertezza u b’fermezza fuq dak li jkun qed jiġ implimentat.

Fisser li hu dejjem kien kritiku dwar l-operat tal-MEPA anke meta saret ir-riforma, iżda qal li llum hemm biża’ kbir fil-bini tal-MEPA fejn hemm nies imbeżża, inkwetati u qalbhom maqtugħa minħabba l-intereferenzi li hemm fil-preżent. Fisser li hemm interferenzi f’kull livell tal-operat, kemm f’materji ta’ xogħol kbir kif ukoll interferenzi f’oqsma żgħar.

Ċensu Galea osserva li filwaqt li qabel konna nilmentaw fuq livelli ta’ operat tal-MEPA u mhux wisq fuq il-politiku, illum dan ma jistax jingħad għaliex minbarra dan, hemm ukoll interferenzi anke fil-livell politiku.

Staqsa jekk il-policies humiex qed ikunu applikati bl-istess mod għal kulħadd, u x’se jiġri mill-pjan tal-Gvern dwar is-separazzjoni li wiegħed il-Gvern fil-MEPA.