Lokali

Impenn favur it-Turiżmu

Il-Grupp immexxi minn Anġlu Xuereb għamel kisbiet mhux għalih biss, iżda wkoll għall-pajjiż. Anġlu Xuereb kien pijunier fil-kostruzzjoni, fit-turiżmu u f’bosta oqsma oħra.

Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara fil-lukanda Seashells Resort at Suncrest fil-Qawra, li għadha kemm ingħatat dehra ġdida b’investiment ta’ 7 miljun ewro.

Simon Busuttil tenna l-impenn tal-Oppożizzjoni favur l-industrija tat-turiżmu, li wieħed ghandu jhares lejha minn lenti usa’ fuq prodott sħiħ, bl-ambjent u l-infrastruttura elementi li jmorru id f’id mal-investiment privat.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg, intlaqa’ miċ-Chairman tal-AX Group Anġlu Xuereb u l-General Manager tal-lukanda Joseph Vella.

F’diskors qasir, Xuereb qal li meta fetaħ il-lukanda Suncrest fl-1988, hu kien ra l-potenzjal biex jitjieb il-prodott turistiku fil-Qawra u Buġibba, bil-lukanda Suncrest kienet l-ewwel lukanda ta’ 4 stilel fil-lokalità. Illum il-ġurnata, ingħata r-raġun, hekk kif il-maġġoranza kbira tal-lukandi f’Malta huma ta’ 4 stilel.

Anġlu Xuereb sostna li għadu jemmen fil-potenzjal taż-żona ta’ Buġibba u l-Qawra, filwaqt li sejjaħ għal Master Plan Turistiku biex iż-żona tkun riġenerata. Qal li din il-bidla għal kunċett all-inclusive inħasset, hekk kif f’dawn l-aħħar snin is-suq tal-konferenzi kkonċentra fl-inħawi ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan.