Grupp ta’ kriminali inqabdu waqt attentat biex jinħatfu t-tfal minn ġo lukanda qrib ta’ Protaras, li hu resort popolari ta’ Ċipru. Intant, l-aktar fattur xokkanti f’dan il-każ hu li l-allegati aggressuri kienu libsu l-uniformijiet ta’ waiters bl-iskop li jiksbu l-fiduċja tat-tfal.
Is-suspettati, li huma kollha Rumeni, kienu interċettati waqt li allegatament kienu qed jippruvaw ‘imexxu’ lit-tfal (ilkoll taħt l-għaxar snin) għal ġol-vetturi, u meta mifhum li huma kienu qed jippjanaw biex jaħarbu bihom.
Il-każ qajjem paniku sostanzjali, b’operatur tal-vjaġġi jittrasferixxi l-għexieren tal-familji li kienu residenti fir-resort inkwistjoni għal lukanda oħra.
Wieħed mit-turisti intervistati qal li t-traffikanti kienu qed jiġbdu l-filmati tat-tfal ‘u anki niżlu jgħumu magħhom fil-pool tal-lukanda huma u jilgħabu l-parti ta’ ħaddiema impjegati mal-kumpless’. It-turist irrefera wkoll għall-fatt li t-traffikanti kienu lebsin l-uniformijiet tal-istaff ‘biex jikkonvinċu lit-tfal li kienu ġenwini’.
Mifhum li koppja ta’ Rumeni intlemħu qed imexxu żewġt itfal lejn karozza li kienet qed tistennihom, b’raġel ieħor ukoll ikun qrib li jaħrab bi tfajjel ieħor mil-lukanda.
Iżda xi ħadd intebaħ b’dak li kien qed iseħħ u waqqaf lill-allegati aggressuri. Suspettat ieħor, intant, ħarab mill-inħawi b’karozza iżda nqabad wara li kien involut f’inċident bl-istess vettura.
Il-Pulizija waslu l-lukanda u bdew minnufih l-investigazzjonijiet anki waqt li grupp kbir ta’ ġenituri rrabjati nġabru fil-foyer tal-kumpless. Filwaqt li r-rapporti qalu li l-allegati aggressuri ngħataw f’idejn il-pulizija ma kienx ċar (għalissa) jekk sarux xi arresti.
//= $special ?>

