Il-Kummissjoni Ewropea tiftaħ Infringement Procedures kontra sitt stati membri, fosthom pajjiżna, b’rabta mad-Direttiva dwar is-Servizzi
Il-Kummissjoni Ewropea illum nediet proċeduri ta’ ksur – li huma magħrufin bħala Infringement Procedures – kontra sitt pajjiżi, fosthom Malta, b’rabta mad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar is-Servizzi. Fil-każ ta’ Malta l-ksur li l-Unjoni Ewropea qed tgħid li qed isir hu fil-professjoni tal-periti u l-inġiniera.
Il-Kummissjoni wissiet lil Malta flimkien mal-Awstrija, Ċipru, il-Ġermanja, il-Polonja u Spanja minħabba li r-regoli nazzjonali tagħhom jinkludu ostakli eċċessivi u mhux ġustifikati fil-qasam tas-servizzi professjonali. Il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti imposti fuq ċerti fornituri tas-servizzi f’dawn l-istati membri jmorru kontra d-Direttiva dwar is-Servizzi.
Il-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs Elzbieta Bieńkowska qalet li l-libertà li jiġu provduti s-servizzi hija wieħed mis-sisien tas-suq uniku, imma għad hemm ostakli f’numru ta’ stati membri li ma jħallux kumpaniji u individwi jipprovdu s-servizzi tagħhom b’mod liberu fl-UE kollha. Dan jinkludi kemm restrizzjonijiet fuq il-forma ġuridika u l-parteċipazzjoni azzjonarja, kif ukoll rekwiżiti ta’ kwalifiki professjonali, jew tariffi fissi.
Rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni azzjonarja eċċessivi jinkludu r-rekwiżit li l-professjonisti għandu jkollhom 100% tad-drittijiet tal-vot u tal-kapital f’kumpanija, jew li jkollhom is-sede korporattiva tagħhom f’ġurisdizzjoni partikulari. Waqt li min-naħa l-oħra t-tariffi minimi obbligatorji mhumiex neċessarji biex jiġu żgurati servizzi ta’ kwalità għolja ta’ fornituri ta’ servizzi domestiċi jew barranin, filwaqt li jċaħħdu lill-konsumaturi minn aktar servizzi bi prezz aktar kompetittiv.
Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni kitbet formalment lill-Gvernijiet ta’ dawn il-pajjiżi u qed titlobhom biex jadattaw il-liġijiet tagħhom f’dan ir-rigward.
Ittra ta’ Avviż Formali hija l-ewwel pass fil-proċedura tal-ksur u tikkostitwixxi talba uffiċjali għall-informazzjoni. L-istati membri issa għandhom xahrejn biex jirrispondu għall-argumenti mressqin mill-Kummissjoni.
//= $special ?>

