Il-petizzjoni fuq l-internet biex titħares il-missjoni tad-Dar tal-Irtiri Mount St Joseph mill-proġett tax-shooting range qrib tagħha, qabżet l-10,000 firma waqt li l-petizzjoni stampata qabżet it-12,000 firma.
Il-petizzjoni nbdiet bħala waħda minn diversi reazzjonijiet imqanqla għad-deċiżjoni tal-Gvern li jgħaddi firxa ta’ art ta’ 5,300 metru kwadru lil żviluppatur biex jibni sitt shooting ranges fl-inħawi ta’ Busbeżija fil-Mosta. Il-proġett propost hu mifrux fuq 70,000 metru kwadru ta’ art ’il barra miż-żona ta’ żvilupp (ODZ) u mistenni jasal sa 110 metru ’l bogħod mill-ħajt ta’ konfini ta’ Mount St Joseph.
Il-Ġiżwiti qed jinsistu li waqt li huma, fil-prinċipju, mhumiex kontra proġett ta’ shooting range, l-għażla tal-post fejn dan isir hi żbaljata għax ittellef l-iskop tad-dar li ilha taqdi madwar 10,000 persuna fis-sena għall-aħħar 50 sena.
Qed jinsistu li dawk li jfittxu d-Dar tal-Irtiri, ikunu qed ifittxu atmosfera ta’ skiet li twassal għal riflessjoni personali, kontemplazzjoni jew talb.
Alison Vella, li hi waħda minn dawk li qed tappoġġja l-appell lill-Gvern, sostniet li d-Dar tintuża għal dawk kollha li jfittxu s-silenzju għat-terapija, fosthom adolexxenti, tfal tal-iskola u persuni vulnerabbli.
Fr Patrick Magro, il-Provinċjal tal-Ġiżwiti, enfasizza l-missjoni tad-dar għal skop soċjali. Saħaq li l-Ġiżwiti qiegħdin hemm għas-servizz tal-poplu Malti u li d-dar taħdem b’telf imma l-Ġiżwiti qed jibqgħu joffru l-ispazju tagħhom lil dawk l-eluf li jżuruhom kull sena minħabba li l-ħtieġa hi kbira.
Spjega li l-ħsejjes li se joħorġu mix-shooting range se jkunu ta’ disturb lil dawk li jużaw is-servizzi ta’ Mount St Joseph u lir-residenti tal-qrib. Saħaq li anke jekk jintużaw miżuri li jnaqqsu l-ħsejjes tal-isparar, xorta waħda l-ħoss kostanti, irregolari u n-natura ta’ ħoss ta’ sparar se jdejjaq lil dawk li jkunu marru hemm b’mod speċifiku biex ifittxu l-kwiet. “Qisek tkun qed tipprova tikkonċentra fuq xi ħaġa sensittiva u tisma’ ġar tiegħek fil-qrib isammar l-imsiemer il-ħin kollu – mhux ħoss qawwi imma li jtellfek u jdejqek”, spjega l-Provinċjal.
Spjega li waqt li jifhmu l-passjoni ta’ dawk li jħobbu d-dixxiplini tal-isparar, il-Ġiżwiti se jibqgħu jippruvaw ifiehmu n-natura tas-servizzi li toffri Mount St Joseph lill-pubbliku u għaliex l-għażla tas-sit fl-inħawi hi żbaljata.
//= $special ?>