Edukazzjoni Lokali

Aktar tħassib mill-istudenti u l-Lecturers dwar l-Avviż Legali 150

L-Avviż Legali 150, li permezz tiegħu l-Gvern se jkun qed ibiddel il-kriterji li fuqhom istituzzjoni tkun rikonoxxuta bħala Università, ikompli jqajjem aktar tħassib fost l-istudenti u l-Lecturers tal-Università ta’ Malta.

Waqt il-programm il-Linja Lilek, fuq Radio 101, ir-Rappreżentant tal-Kunsill Studenti Universitarji Matthew Bonello sostna li l-KSU hu diżappuntat għall-mod kif saru l-affarijiet min-naħa tal-Gvern, bl-ebda għaqda fil-qasam tal-edukazzjoni ma kienet ikkonsultata.

Mistieden iehor waqt il-programm kien il-Lecturer fl-Università ta’ Malta Ranier Fsadni, li tkellem dwar dak li sostna l-Gvern meta qal li l-iskop tal-Università Amerikana hu biex ineħħi l-monopolju tal-Università ta’ Malta. Fsadni spjega li dan mhux minnu u min qal hekk ma jafx l-istorja tal-Università ta’ Malta.

Waqt il-programm, ipparteċipa wkoll il-Professur Godfrey Baldacchino, li qal li jinkwieta dwar dan l-investiment li se juża’ isem magħruf madwar id-dinja, bħall-Università Amerikana ta’ Malta. Qal li hawn ħafna kumpaniji li jagħmlu l-flus mir-reputazzjoni li jgawdu istituzzjonijiet oħrajn.

Il-Gvern irid li l-American University of Malta, li se tkun mibnija minn investituri Ġordaniżi, tinbena f’żona ‘l barra mill-iżvilupp, fiż-Żonqor f’Wied il-Għajn.