Il-Gvern qed juża’ d-Dipartment tal-Informazzjoni (DOI) biex jigdeb u joħnoq il-verità milli toħroġ mill-media. Dan iddikjarah il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli f’konferenza tal-aħbarijiet, li fiha qal li l-istqarrija tal-Gvern fiha numru ta’ gideb u hi ntiża biss biex twaqqaf il-media milli tagħmel xogħlha u toħroġ il-verità.
Il-każ jitratta mistoqsija li ġurnalista ta’ NET News għamlet lill-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Godfrey Farrugia u fil-kuntest ta’ stqarrija li aktar kmieni kien għamel is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon dwar il-każ tal-Iskandlu ta’ Gaffarena.
Clyde Puli sostna li s-servizz ta’ NET News hu bbażat fuq il-kummenti li ngħataw minn Michael Falzon u Godfrey Farrugia, li l-kummenti ma kienux editjati u li dawn ixxandru sħaħ, tant li fil-mistoqsija tal-ġurnalista imkien ma ssemma’ pajjiż. Clyde Puli sostna li hu l-Prim Ministru Joseph Muscat li qed jaqa’ f’livelli baxxi u dilettanteski ta’ kif isiru l-affarijiet meta ħalla l-Iskandlu ta’ Gaffarena jsir f’Dipartiment li jmexxi hu.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Matthew Bonnett elenka kif seħħew il-fatti f’dawn l-intervisti. Qal li ma jistax ikun possibbli li quddiem dawn il-fatti, il-Gvern joħroġ stqarrija ta’ gideb, kif fil-fatt għamel. Bonett qal li dan ma kienx l-ewwel każ li fih il-Gvern inqabad jigdeb permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni għax każ ieħor kien dak tal-isparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia.
Stqarrija mill-Gvern:
Sadanittant, fi stqarrija bi dritt skont il-Liġi tal-Istampa, il-Gvern qal li l-kummenti ta’ NET News jagħtu stampa ‘l bogħod mill-verità. L-istqarrija qalet li l-kumment ta’ Godfrey Farrugia kien fis-sens li Michael Falzon qatt ma siefer l-Arġentina ma’ Gaffarena.
Ingħad li Falzon u Farrugia għandhom relazzjoni mill-aqwa bejniethom, li tmur lura għal bosta snin u llum jaħdmu flimkien b’mod tajjeb ħafna fuq bażi regolari bħala Whip u Segretarju Parlamentari.
//= $special ?>