Għada, f’10:00 ta’ filgħodu se ssir il-Protesta Nazzjonali, organizzata mill-Front Ħarsien ODZ, bit-tema Save Żonqor. Il-Protesta se ssir bl-iskop li l-Gvern isegwi l-Pjan Lokali u jiżgura li ż-żona kollha taż-Żonqor tkun parti minn Park Nazzjonali fejn l-ebda żvilupp ma’ jista jsir u l-għajxien tal-bdiewa jkun imħares.
Bil-protesta, il-Front Ħarsien ODZ irid iwassal il-messaġġ li l-Gvern għandu jagħmel studju dettaljat dwar siti alternattivi għall-bini tal-Università, li l-Gvern irid jibni fiż-Żonqor. Il-Protesta tibda fl-10am quddiem il-bini tal-Parlament, bil-Front Ħarsien ODZ jisħaq li din hi Protesta Nazzjonali u mhijiex organizzata minn xi partit politiku.
Sadanittant, l-Arċisqof Mons Charles Scicluna qal li qed iħalli lill-Qassisin fil-libertà li jattendu, jekk iridu, għal din il-Protesta Nazzjonali. Hu għadda din ir-reazzjoni meta mistoqsi minn The Malta Independent dwar jekk hux se jattendi għall-Protesta Nazzjonali fil-Belt.
Dwar il-preżenza tiegħu, Mons Scicluna wieġeb li hu ma jistax jattendi minħabba impenn li għandu skedat mad-Djakni li se jilħqu Saċerdoti fit-3 ta’ Lulju. Madankollu, dwar ix-xewqa tas-Saċerdoti, l-Arċisqof qal li kulħadd hu liberu li jesprimi ruħu b’mod ċiviku u rispettabbli.
//= $special ?>
