Internazzjonali

Għall-bejgħ: mutur bil-machine-gun ta’ żmien l-Ewwel Gwerra

Id-dilettanti tal-gwerrer storiċi għandhom l-opportunita biex jixtru mutur uniku, attrezzat b’machine-gun, li jmur lura għal żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija (1914-1918). Dan f’irkant is-Sibt mid-ditta Bonhams f’Londra fir-Renju Unit.

Il-mutur kien inbena apposta għal dik il-gwerra qalila, bl-intenzjoni li tintuża mill-Armata tar-Russja. Intant, il-‘features’ speċjali tal-mutur jibqgħu l-armamenti ( meqjusa bħala superjuri għal dik l-era partikolari) li għandu mwaħħlin mas-‘sidecar’.

Ġara li malli l-mutur tlesta biex ‘jiddebutta’ fl-Ewwel Gwerra, Vladimir Lenin, ir-rivoluzzjonarju kommunista li kien imexxi l-Gvern tar-Russja, warrab mill-ostilitajiet storiċi, b’konsegwenza tar-Rivoluzzjoni Russja. B’hekk il-mutur ma ntuża qatt f’waħda mill-battalji tal-hekk-imsejħa Great War.

Fl-1918, 250 ta’ dawn il-muturi kienu nbiegħu bl-irkant għall-prezz ta’ 64 lira Sterlina kull wieħed. Intant, wieħed mill-ftit mudelli li fadal, issa, għada s-Sibt mistenni jinbiegħ għal €30,000. Id-dokumenti tar-reġistrazzjoni juru li l-ewwel proprjetarju tal-mutur kien ċertu Edward Foster minn Dorchester, iżda ftit jafu dwar l-istorja proprja tal-mutur qabel inxtara, fl-1998, minn raġel li jismu Chris Roberts u li hu ffissat fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Ewwel Gwerra.

Dan il-mutur jinsab f’kundizzjoni kważi perfetta ‘wara li kien inżamm ġewwa u fejn baqa’ protett mill-umdita’ għal mill-anqas 60 sena.