Fil-jiem li għaddew, il-Pulizija Maltija, kemm dik tad-distrett kif ukoll is-Sirene Bureau, kienet involuta f’każ mhux tas-soltu fejn kien involut Malti li kien mitluf fl-Iskozja.
Mara irrapurtat ġewwa l-Għassa ta’ Tas-Sliema li għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart ta’ filgħaxija kien ċemplilha s-sieħeb tagħha u għarrafha li waqt li kien qiegħed trekking ġewwa parti mill-Highlands tal-Iskozja kien intilef. Huwa kien qalilha li sakemm kien miexi t-temp kien krieħ u għalhekk ma setax isib triqtu lura.
Minnufih, il-Pulizija tad-distrett infurmaw lill-Pulizija tas-Sirene Bureau, li min-naħa tagħhom bdew jikkomunikaw mal-awtoritajiet barranin sabiex tiġi assistita din il-persuna. Għalkemm f’dak il-mument kien hemm xi diffikultajiet tekniċi fis-sistema, il-Pulizija xorta waħda sabu mezz sabiex jgħaddu d-dettalji kollha lill-awtoritajiet Brittanniċi u tibda t-tfittxija għal dan ir-raġel.
Għall-ħabta tal-23:00, il-Malti reġa’ għamel kuntatt mas-sieħba tiegħu minn fuq it-telfown ċellulari tiegħu, fejn infurmaha li kien qiegħed jisma’ helicopter fil-bod. Il-Pulizija Maltija għaddietlu numru tal-kwartieri minn fejn kienet qed tiġi kkowordinata l-operazzjoni ta’ salvataġġ, sabiex titħaffef il-komunikazzjoni.
Ftit tal-ħin wara il-Pulizija Maltija kienet infurmata mill-awtoritajiet barranin li l-helicopter kellu jerġa jidħol lura minħabba li kien ħafna maltemp u minflok kienu ser jintbgħatu mountain rescuers sabiex jkomplu jfittxu lill-Malti.
Għall-ħabta tas-1:20 ta’ filgħodu il-Pulizija tas-Sirene Bureau ġew infurmati mill-uffiċjal inkarigat mis-salvataġġ fl-Iskozja li l-Malti kien għadu kemm instab u kien f’saħħtu.
Is-Sirene Bureau jifforma parti mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
//= $special ?>

