Internazzjonali Kurżitajiet

Irid danni minn attriċi għax tħares lejh b’mod intens mit-TV

Raġel fiċ-Ċina qed jipprova jiftaħ każ fil-Qorti għal danni kontra attriċi famuża u qed jakkużaha li tħares lejh b’mod wisq intens, permezz tat-televiżjoni, tant li qed tikkaġunalu “ħsara spiritwali”.

L-attriċi magħrufa Zhao Wei hi waħda mill-protagonisti fis-serje televiżiva Tiger Mom li tixxandar filgħaxijiet fiċ-Ċina. Skont il-ġurnal Legal Daily, ir-raġel qal li l-attriċi qed tiddisturbah permezz ta’ din is-serje u fetaħ kawża kontriha.

Skont l-istess ġurnal, il-Qorti lokali ta’ Shanghai ma tridx tgħid jekk laqgħetx il-każ imma uffiċjal tat-tribunal qal li r-riżorsi ġudizzjarji ma jistgħux jinħlew fuq każijiet bħal dawn.

Il-każ reġa’ qajjem tħassib dwar liġijiet frivoli li hemm fiċ-Ċina speċjalment wara li ddaħħlu regoli ġodda, mill-1 ta’ Mejju, li jagħmluha iktar diffiċli għall-qrati biex jirrifjutaw każijiet. Dawn ir-regoli wasslu għal żieda ta’ 29% fin-numru ta’ kawżi fl-aħħar sena, għal ftit iktar minn miljun kawża.