Lokali Parlament

It-tifel tal-eks-Aġent Kummissarju tal-Pulizja boarded out f’erbat ijiem

Il-Gvern baqa’ ma jagħtix spjegazzjoni u lanqas ma ried jgħid min hu

L-Ispettur fil-Korp tal-Pulizija li t-talba tiegħu biex jiġi boarded out kienet deċiża u approvata f’erbat ijiem, u li l-Gvern nhar l-Erbgħa filgħaxija fil-Parlament ma riedx jgħid min hu u lanqas ma spjega kif din it-talba kienet approvata fi ftit jiem, mhu ħadd ħlief it-tifel tal-eks-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit.

L-Ispettur Daniel Zammit ressaq it-talba tiegħu biex jiġi boarded out fis-16 ta’ April li għadda, u wara li għaddew erbat ijiem sħaħ minn wara l-ġurnata li ressaq it-talba, l-għada, fil-21 ta’ April, ingħatat id-deċiżjoni favur li t-tifel tal-eks-Aġent Kummissarju tal- Pulizija jiġi boarded out.

Missier Daniel Zammit, kien inħatar Aġent Kummissarju tal-Pulizija wara r-riżenja tal-Kummissarju Peter Paul Zammit. Ray Zammit tneħħa minn Aġent Kummissarju u mar lura għall-kariga li kellu fil-Korp wara l-każ tal-isparatura f’Novembru li għadda li fih kien involut ix-xufier tal-eks-Ministru Manwel Mallia. Xahar ilu, Ray Zammit inħatar mill-Gvern biex imexxi l-aġenzija li ħadet ir-responsabbiltà tal-opeart tas-sistema tal-gwardjani lokali.

Il-każ ta’ Spettur li ġie boarded out f’rekord ta’ ġranet meta wieħed iqis it-tul li jieħdu talbiet simili biex membri fil-Korp tal-Pulizija jiġu boarded out, tqajjem fil-Parlament nhar l-Erbgħa waqt il-ħin tal-mistoqsijiet, liema seduta kellha tiġi sospiża wara biss 20 minuta. L-Oppożizzjon kienet qed tistaqsi mistoqsijiet sempliċi lill-membri tal-Gvern biex xi ħadd iwieġeb, jew jagħti spjegazzjoni jew raġuni kif spettur tal-Pulizija għadda boarded out f’erbat ijiem.

Kien ix-Shadow Minister Jason Azzopardi li staqsa bil-miktub aktar minn xahar ilu, fil-11 ta’ Mejju li għadda, lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, jgħid kemm-il membru tal-Korp ġie boarded out fl-aħħar sentejn sal-lum; u biex f’kull każ jindika kemm ħa l-proċess minn meta saret it-talba sakemm sar il-boarding out.

Fin-nuqqas tal-Ministru Carmelo Abela li ma kienx fil-Kamra minħabba li kien imsiefer fuq xogħol tal-Gvern, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg baqa’ jgħid li m’għandux aktar informazzjoni x’jgħaddi u biex il-mistoqsijiet li kienu qed isiru mill-Oppożizzjoni jitressqu bil-mitktub lill-Ministru Abela.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami, insista li quddiem ir-realtà li hemm ħafna persuni li jieħdu x-xhur biex jgħaddu boarded out u li jkunu qed jirċievu trattamenti mediċi u minkejja dan xorta jdumu jistennew deċiżjoni x-xhur, il-Gvern għandu jwieġeb dwar dan u jgħid min hu l-Ispettur li d-deċiżjoni dwaru biex ikun boarded out ħadet biss erbat ijiem.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco, insista wkoll fil-Parlament fil-ħin li daħal il-Viċi Prim Ministru Louis Grech, biex ikun hu li jwieġeb f’isem il-Gvern u jgħid jekk hux normali li deċiżjoni tingħata f’erbat ijiem.

Fit-tweġiba li ta l-Viċi Prim Ministru Louis Grech, qal li din hi materja suġġettiva u li hu mhux se jkun qed iwieġeb għal ħaġa suġġettiva.

Minkejja l-insistenza tal-Oppożizzjoni, li qajmet ukoll reazzjoni ta’ għajjat, storbju u tgħajjir min-naħa tal-Gvern fil-konfront tal-membri tal-Oppożizzjoni tant li s-seduta kellha tiġi sospiża għal ftit minuti, il-Gvern baqa’ ma ta ebda spjegazzjoni u baqa’ jirrifjuta u jaħbi dwar min hu l-Ispettur.

Irriżulta wkoll li fl-aħħar sentejn sas-16 ta’ Ġunju 2015, ġew boarded out għaxar uffiċjali tal-Pulizija. Flimkien mal-Ispettur Daniel Zammit, kien hemm ukoll sitt Kuntistabbli u tliet Surġenti.