Internazzjonali

Jiċħdu li nqatel kap tal-al-Qaeda

Il-fergħa tal-al-Qaeda fl-Afrika ta’ Fuq ċaħdet l-aħħar rapporti li l-Alġerin Mokhtar Belmokhtar – magħruf bħala ġellied ewlieni li kellu sehem f’numru ta’ inċidenti madwar ir-reġjun u qrib is-Sahara – spiċċa maqtul waqt rejd tal-qawwiet tal-ajru Amerikani fil-Libja.
Stqarrija tal-al-Qaeda sostniet li Belmokhtar għadu ħaj u qed ikun xewka kontinwa għall-għedewwa tal-moviment. Dan wara li ftit tal-jiem ilu, il-Gvern Libjan li jgawdi l-għarfien internazzjonali u li qed jiltaqa’ fil-belt ta’ Bayda, ikkonferma l-qtil tal-Alġerin militanti waqt missjoni mill-fighter-jets tal-Istati Uniti.
Mokhtar Belmokhtar hu akkużat b’konnessjoni ma’ attakk qattiel li kien seħħ fl-2013 fuq iz-zona ta’ In Amenas, fl-Alġerija, li hi magħrufa għall-produzzjoni tal-gass. F’dan l-attakk kienu nqatlu mal-40 ħaddiem taż-żejt, u l-Alġerin militanti ssemma wkoll b’konnessjoni mar-rotot għat-traffikanti li jeżistu tul l-Afrika ta’ Fuq.
Hu minnu, sadanittant, li Belmokhtar ġie rrappurtat ‘maqtul’ diversi drabi, u b’mod partikulari fil-każ tal-2013 meta ngħad li kien tilef ħajtu waqt ġlied qalil li kien għaddej fil-Mali.