Il-ħabi u s-sigrieti jqajmu ħafna dubji u suspetti dwar il-proġett taż-Żonqor
L-Oppożizzjoni qed tistenna li l-Gvern jippubblika minnufih il-kuntratt li ffirma mal-iżviluppaturi tal-Ġordan Sadeen Group u dan biex jieqfu l-ispekulazzjonijiet dwar x’seta’ l-Gvern ftiehem mal-Ġordaniżi dwar l-iżvilupp fiż-Żonqor. L-avukat tal-Ġordaniżi diġà sostna li hemm diversi dettalji fil-kuntratt iffirmat, u għalhekk huwa kruċjali li l-Gvern jippubblikah minnufih.
Dan qalitu x-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibqa’ jinsisti li jaħbi xi ftiehem mal-iżviluppaturi Ġordaniżi. “Il-ħabi u n-nuqqas ta’ trasparenza jqajmu ħafna dubji u suspetti dwar il-proġett taż-Żonqor,” sostniet Marthese Portelli. Hi fakkret li minkejja li għamlet diversi tentattivi, fosthom anke permezz ta’ mistoqsijiet Parlamentari, l-Prim Ministru u l-Ministri konċernati qed jibqgħu jirrifjutaw li jippubblikaw dan il-kuntratt.
Ix-Shadow Minister tal-Edukazzjoni u l-Impjiegi Therese Comodini Cachia tkellmet dwar l-aspett edukattiv ta’ dan il-proġett, u esprimiet id-diżappunt tagħha għall-fatt li biex jiġi akkomodat żviluppatur Ġordaniż, nieħdu riskju kbir għall-livell tal-edukazzjoni f’pajjiżna u noħolqu kategoriji differenti ta’ Universitajiet taħt liċenzja waħda. Hi fakkret li fil-konsultazzjoni li l-Oppożizzjoni għamlet ma’ diversi entitajiet u individwi fis-settur, ħareġ ċar li teżisti rabja, b’mod speċjali fost il-lekċerers u l-istudenti, li l-istandards tal-edukazzjoni f’pajjiżna tbaxxew.
Therese Comodini Cachia qalet li minn meta ħabbar dan il-proġett, Joseph Muscat irnexxielu jibni moviment kontrih, magħmul mhux biss mill-Oppożizzjoni, iżda anke minn bosta ambjentalisti, kaċċaturi, studenti, bdiewa, lekċerers, Laburisti u kull min hu ta’ rieda tajba. Hi sostniet li l-issue taż-Żonqor ukoll għandha riħa tinten u dan peress li fin-nofs hemm art li se tiġi esproprjata u li kulħadd jaf ta’ min hi. “L-insistenza tal-Prim Ministru li bilfors imiss iż-Żonqor twassal biex il-poplu Malti u Għawdxi jaħseb ħażin dwar x’inhu l-veru skop wara l-bini fiż-Żonqor,” qalet Therese Comodini Cachia.
Il-Kelliem tal-Ambjent, l-Ippjanar, l-Artijiet u l-Infrastruttura Ryan Callus esprima d-diżappunt tiegħu għall-mod kif il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA, fid-difiża tiegħu għal dan il-proġett, mar kontra kull tip ta’ studju li kellu jsir qabel jiġi approvat dan il-proġett. Hu sostna li ma jistax jifhem għalfejn ir-reżistenza kollha minn naħa ta’ Johann Buttigieg li ma jgħix min, mill-uffiċċju tiegħu, għamel ir-rapport dwar iż-Żonqor. “Il-fatt li t-talba biex il-MEPA tagħmel rapport dwar il-bini fiż-Żonqor saret bil-fomm biss, u bl-ebda mezz ta’ komunikazzjoni uffiċjali, tikkonferma kemm il-MEPA u Kastilja huma ħaġa waħda, mingħajr ebda awtonomija,” sostna Ryan Callus. Hu fakkar li kien Johann Buttigieg innifsu li ammetta li l-Prim Ministru ma qallux biex jabbanduna ż-Żonqor – konferma ta’ kemm Joseph Muscat irid li jiżviluppa ż-Żonqor.
//= $special ?>