Sport

Nathan Lee Xuereb sfortunat f’Baku

Iż-żagħżugħ Malti Nathan Lee Xuereb kien ferm sfortunat li ma għaddiex għas-semifinali tad-Double Trap fil-Logħob Ewropew li qed isir f’Baku, fl-Ażerbajġan.

Lee Xuereb naqas milli jagħmilha mal-aħħar sitta meta laqat total ta’ 137 plattina minn total ta’ 150 u dan ifisser li ma għaddiex għal tliet plattini. Fil-ħames sessjonijiet Xuereb laqat 27/30, 29/30, 26/30, 27/30, 28/30.Scott Steven tar-Renju Unit, Vitaly Fokeev tar-Russja, Antonino Barilla tal-Italja u Richard Bognar tal-Ungerija kollha laqtu 142 plattina.

Flimkien magħhom ikkwalifikaw Andreas Loew tal-Ġermanja u Hubert Andrzej Olejnik tas-Slovakkja li laqtu 141 u 140 plattina rispettivament. Il-kompetizzjoni intrebħet mir-Russu Vitaly Fokeev li fil-finali laqat 29 plattina, tlieta aktar mill-Bulgaru Richard Bognar.

Intant, illum ikun hemm fl-azzjoni ċ-ċiklista Michelle Vella Wood li tikkompeti fid-9am ħin ta’ Malta.