Il-grupp tal-partiti Daniżi fl-Oppożizzjoni rnexxielu jegħleb lill-koalizzjoni fil-Gvern fl-elezzjoni ġenerali li, bħalma kien mistenni, żvolġiet f’taqtigħa missielta sal-aħħar.
Dan il-grupp taċ-Ċentru-Lemin immexxi mill-eks-Prim Ministru Lars Lokke Rasmussen kiseb vantaġġ deċiżiv fuq il-koalizzjoni taċ-Ċentru-Xellug immexxija mill-Prim Ministru Helle Thorning-Schmidt, li l-partit tagħha jibqa’ xorta l-akbar wieħed fid-Danimarka.
Wara li tħabbar it-trijonf ta’ Lokke Rasmussen u l-alleati politiċi tiegħu, ingħatat il-konferma li Thorning-Schmidt kienet irriżenjat minn Kap tal-Partit Soċjal-Demokratiku.
Intant, il-Partit tal-Poplu Daniż tal-Lemin (DPP), li jopponi l-immigrazzjoni, għandu jsir it-tieni l-akbar partit politiku fil-Parlament ta’ Kopenħagen.
Filwaqt li l-Kap tad-DPP, Kristian Thulesen Dahl, qabel, kien deher iwarrab il-prospett li jissieħeb fil-Gvern, hu f’dawn iċ-ċirkostanzi għad jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni li, fil-fatt, jipprova għall-kariga ta’ Prim Ministru.
Min-naħa tiegħu, Lokke Rasmussen, li mexxa lid-Danimarka bejn l-2009 u l-2011, qal li fil-jiem li ġejjin għandu jinsisti għal kontroll aħjar tal-mewġa tar-refuġjati preżenti.
Rebħa għall-Oppożizzjoni fid-Danimarka
