Internazzjonali

Tikber il-possibbilta li l-Greċja toħroġ mill-ewro

Qed ikompli jikber it-tħassib dwar il-kriżi Griega hekk kif il-Ħamis filgħaxija reġa’ ma kienx hemm ċaqliq pożittiv f’laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro.
Hekk kif issa għad fadal inqas minn ġimagħtejn biex jiskadi ż-żmien biex il-Greċja tħallas €1.6 biljun f’dejn, flus li l-pajjiż m’għandux, għat-Tnejn issejjaħ summit urġenti tal-mexxejja tal-pajjiżi taz-zona ewro filwaqt li l-Ġimgħa kellha ssir laqgħa urġenti tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jaraw x’jista’ jsir.
Hemm tħassib kbir għas-sitwazzjoni tal-banek Griegi, peress li qed ikun stmat li din il-ġimgħa biss, il-Griegi ħarġu mat-tliet biljun ewro mid-depożiti tagħhom minħabba tħassib li fil-pajjiż jista’ jikkrolla kollox.
Il-Ġimgħa kibret il-possibbiltà ta’ intervent finanzjarju mir-Russja hekk kif tħabbar li l-Greċja u r-Russja ffirmaw ftehim ta’ żewġ biljun ewro biex pipeline tal-gass Russu, Turkish Strem, jgħaddi mill-Greċja wkoll. Ix-xogħol mistenni jibda s-sena d-dieħla u jkun lest sal-2019.
Barra minn hekk, minn San Pietruburgu, ilbieraħ uffiċjali Russi qalu li kienu lesti jikkunsidraw li jagħtu għajnuna finanzjarja lill-Greċja. Dan hekk kif Alexis Tsipras, il-Prim Ministru Grieg, ilbieraħ kellu laqgħa mal-President Russu Vladimir Putin.
L-osservaturi qalu li kienet sinifikanti li Tsipras kien ir-Russja meta pajjiżu kien fi kriżi simili.
Qabel, Arkady Dvorkovich, id-Deputat Prim Ministru Russu, qal li Moska kienet lesta tikkunsidra appoġġ finanzjarju lill-Greċja jekk dan ikun meħtieġ. Iżda l-kelliem ta’ Putin qal li għalissa kien kmieni wisq li wieħed jitkellem dwar ċifri.