Lokali

Delegazzjoni Maltija fl-Assemblea Ġenerali Ewropea tal-YMCA

Matul ix-xahar ta’ Mejju delegazzjoni Maltija mill-YMCA ħadet sehem fl-Assemblea Ġenerali Ewropea tal-YMCA li saret fil-kapitali tal-Estonja, Tallinn. F’din l-Assemblea Ġenerali kien hemm delegazzjonijiet minn 31 pajjiż differenti.

Id-delegazzjoni Maltija kienet komposta minn Francesco Callus u Gabriele Bertone li t-tnejn jaħdmu fil-YMCA Homeless Shelter li hemm fil-Belt. Huma kellhom sehem attiv fil-YMCA Europe Spectrum li kien seminar parti mill-Assemblea Ġenerali fejn hawnhekk ġie diskuss proġett ġdid li jinstab biss fit-tieni sena tiegħu. Proġett intiż għaż-żgħażagħ fi ħdan l-YMCA.

Il-YMCA f’Malta hija mmirata lejn il-problema ta’ dawk li m’għandhomx fejn joqogħdu u għalkemm iż-żgħażagħ huma fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ l-għaqda tingħata għajnuna lil nies ta’ kull eta’. Il-YMCA toffri ikel u bżonnijiet oħra lil dawk li jkunu fil-bżonn. Fi stqarrija il-YMCA qalet li hija tiddependi mill-ġenerożita tal-pubbliku.