Internazzjonali Lokali

FILMAT: Mfakkar il-Jum Internazzjonali tar-Refuġjati

Is-sena 2014 hi l-agħar sena fl-istorja għal dak li għandu x’jaqsam ma’ persuni li sfaw vittmi ta’ gwerer u persekuzzjoni.

F’messaġġ fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Refuġjati, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati Antonio Guterres qal li kważi 60 miljun persuna kellhom jaħarbu minn djarhom u minn pajjiżhom minħabba gwerer u persekuzzjoni. 20 miljun minn dawn huma refuġjati u iktar minn nofshom huma tfal.

L-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati stmat li kuljum matul l-2014, 42,500 persuna ġodda sfaw refuġjati jew qed ifittxu l-kenn.

Guterres qal li sfortunatament, il-prinċipju ta’ kull ċivilta’ matul iż-żminijiet li tilqa’ dawk li jaħarbu mill-gwerer qed jiġi mnaqqar b’dawn il-persuni jispiċċaw ittimbrati saħansitra bħala terroristi. Hu qal li dan l-aġir hu perikoluż, ma jħarisx fit-tul, moralment żbaljat u f’xi każi jikkostitwixxi ksur ta’ obbligi internazzjonali.

Hu qal li l-pajjiżi kollha għandhom jagħtu daqqa t’id. Għaliex l-alternattiva hi li l-pajjiżi inqas sinjuri – li qed jospitaw 86 fil-mija tar-refuġjati madwar id-dinja – jispiċċaw mirduma minn din il-problema u huma wkoll jispiccaw b’instabilita’.

U l-Partit Nazzjonalista sejjaħ għal azzjoni konkreta biex l-Unjoni Ewropea tagħraf li din il-problema mhux biss tal-pajjiżi fil-fruntiera imma responsabilita’ tal-pajjiżi kollha tal-UE.

Fi stqarrija fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Refugjati, il-Kelliem tal-Opposizzjoni għall-Immigrazzjoni Francis Zammit Dimech qal li matul is-snin, fil-limitazzjoni tagħha Malta tat kenn lil kull min sab ruħu f’din is-sitwazzjoni. Hu radd ħajr għall-ħidma tal-membri tal-Forzi Armati, tal-Pulizija, tat-tobba u l-paramediċi kif ukoll il-mijiet ta’ voluntieri li jagħtu ħafna mill-ħin, enerġija u riżorsi personali tagħhom biex ikunu ta’ sostenn uman favur ir-refuġjati.

Francis Zammit Dimech awgura lill-Gvern Malti li filwaqt li jħares l-interess nazzjonali u jindika d-diffikultajiet tagħna, jaħdem ukoll biex jintlaħaq ftehim fuq l-immigrazzjoni fis-Summit Ewropew li jmiss.