Lokali Saħħa

L-Assoċazzjoni Maltija tal-Pedjatrija b’appell dwar is-Sick Leave

Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pedjatrija qalet li tinnota li fil-manifest elettorali l-Partit Laburista kien wiegħed li s-sick leave intitolat ikun jista’ jintuża f’każ li l-ulied ikunu ma jifilħux. Il-Partit Nazzjonalista wkoll kien ippropona li s-sick leave ikun jista’ jintuża meta jimirdu t-tfal saħqet l-istqarrija. Għaldaqstant l-Assoċjazzjoni qalet li hija kienet qegħda tħeġġeġ il-membri parlamentari fuq iż-żewġ naħat tal-kamra li jikkoperaw u jaħdmu flimkien biex, wara diskussjonijiet ma dawk kollha konċernati, tkun implimentata din il-proposta u parti mis-sick leave jibda’ jiġi meqjus għal dan l-għan ġust.

L-assoċazzjoni qalet li din il-miżura fejjieda għandha twassal għal rispett u lealtà akbar mill-impjegat peress li min iħaddem ikun qed jirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-ħaddiem lejn uliedu. Barra minn hekk il-ġenituri jserrħu moħħhom li huma jkunu jistgħu jieħdu ħsieb ‘l uliedhom meta jimirdu. Wara kollox it-tfal ifittxu l-wens ta’ ommhom u missierhom meta jkunu l-aktar dgħajfa u vulnerabbli.