Fil-pajjiż, teżisti korruzzjoni istituzzjonalizzata b’numru kbir ta’ irregolaritajiet li jitħallew għaddejjin bil-barka tal-Gvern. Fost l-oħrajn hemm il-każ tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi li qed titħallas 13,000 ewro fix-xahar u ntgħażlet biss għaliex hija l-mara tal-Ministru, mingħajr sejħa. F’sentejn, l-għajta ta’ Malta Tagħna Lkoll inbidlet għal dik ta’ Malta Tagħhom Biss.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’intervista waqt il-programm Għandi Xi Ngħid fuq Radju Malta. Hu sostna li l-Oppożizzjoni mhix se tkun intimidata minn dan il-Gvern, anzi l-Oppożizzjoni għandha responsabbiltà kbira li tikxef l-iskandli u l-korruzzjoni istituzzjonalizzata li teżisti, f’ġieh it-trasparenza u l-indafa fil-politika.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista beda jirreferi għall-iskandlu ta’ Gaffarena meta ġie mistoqsi mill-preżentatur Andrew Azzopardi dwar x’qed iwassal lil bosta nies, inkluż lil Azzopardi nnifsu, li jġeddu l-memorji tas-snin tmenin f’dan il-mument politiku partikolari. “Qed jiġru oxxenitajiet li kienu jsiru fis-snin tmenin,” sostna Simon Busuttil. Hu spjega kif dawn l-affarijiet – jiġifieri korruzzjoni bil-barka tal-Gvern – qatt ma ġraw taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
Iwieġeb ukoll dwar ix-xebħ bejn il-klima politika tal-lum u dik tas-snin tmenin, Simon Busuttil irrefera wkoll għad-deċiżjoni tal-Gvern li jibni fiż-Żonqor. “L-art intgħażlet bil-moħbi u parti minna hija tal-privat. Dan ifisser li xi ħadd mill-privat se jsir sinjur minn fuqna,” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li l-Partit Laburista qed jagħmel nies multi-miljunarji sempliċiment għaliex għandu obbligu lejhom.
Simon Busuttil irrefera wkoll għat-tensjoni li teżisti fil-Parlament, konsegwenza tal-aġir xejn xieraq tal-membri tal-Gvern. Hu qal li huwa skandaluż il-mod kif il-membri tal-Gvern, meta jkunu mistoqsija dwar xi ħaġa, jew jinfexxew jgħajru lill-Oppożizzjoni, jew jitkellmu bi kliem mhux xieraq, tant li fl-aħħar ġimgħatejn, l-Ispeaker kellu jissospendi s-seduta darbtejn.
Mistoqsi xi tkun l-ewwel ħaġa li jagħmel bħala Prim Ministru, Simon Busuttil qal li jbiddel il-Kodiċi tal-Etika biex ikun wieħed sura ta’ nies li jgħolli l-istandards tal-Ministri u l-imġieba tagħhom. B’referenza għat-tibdil li wettaq Joseph Muscat, dan tal-aħħar flok għolla l-istandards, baxxihom.
Mistoqsi dwar l-ekonomija, Simon Busuttil qal li filwaqt li l-ekonomija għaddejja b’ritmu tajjeb, il-ġid li qed jinħoloq mhux qed jasal għand in-nies, tant li l-faqar flok naqas, żdied. “Filwaqt li l-Gaffarena għamluh multi-miljunarju, lill-anzjani u l-pensjonanti tahom 58c fil-ġimgħa,” qal Simon Busuttil.
Simon Busuttil ħabbar ukoll li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iniedi sett ta’ proposti li bihom, titnaddaf il-politika f’pajjiżna. “In-nies irridhom ikunu jafu fejn qegħdin miegħi fuq trasparenza u meritokrazija,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>

