Missier fil-Pakistan hu mfittex għall-qtil ta’ tliet uliedu bniet wara li allegatament għallaqhom għax kienu “piż”.
Irshad Ahmed qed jiġi akkużat li qatel lil uliedu tewmin ta’ 7 snin, Chashman u Aman u lil oħthom ta’ 5 snin, Fiza meta bagħat lil martu, ta’ 35 sena, għal tieġ ma’ binhom u tarbija tifla ta’ sentejn.
L-omm, Shabana Naz, sabet il-ġisem bla ħajja ta’ wliedha bniet, b’marki ta’ ħabel madwar għonqhom, meta rritornat id-dar l-għada u r-raġel tagħha ma kien jidher imkien.
Issa ħarbet lejn id-dar tal-ġenituri tagħha maż-żewġ uliedha l-oħra u qed tappella biex ir-raġel tagħha jingħata l-istess kastig li hu ta lil uliedu għax kienu bniet.
L-omm qalet li kemm-il darba r-raġel kien jinsisti li ma riedx “jaħli l-flus għall-edukazzjoni ta’ wliedu bniet” u kien jgħidilha diversi drabi li kienu se jmutu bil-ġuħ għax l-uniku tama tagħhom kien binhom. Qalet li kemm-il darba hi tkellmet li r-raġel tagħha kien jhedded lil uliedhom imma ommu, speċjalment, kienet tidħaq u tgħid li binha kien biss jiċċajta.
L-omm ta’ 35 sena qalet li żewġha qatt ma ħareġ ċenteżmu wieħed għall-edukazzjoni ta’ wliedu bniet u qatt ma tahom flus. L-ispejjeż tal-uniformi, kotba u l-iskola kienu jitħallsu mill-ġenituri tagħha.
Din mhix l-ewwel darba li fil-Pakistan, missirijiet jeħilsu minn uliedhom bniet għax iqisuhom bħala piż. Fl-2013, Umar Zaib ta’ 28 sena, ġiet arrestat talli għarraq lil bintu ta’ sena u nofs għax minflok tifla, kien ried tifel.
//= $special ?>

