Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama għamel diskors f’San Francisco fejn enfasizza li r-razziżmu jibqa’ tebgħa kbira fuq is-soċjeta u li l-Amerikani għandhom id-dmir li jikkumbattuh bħala impenn kollettiv.
Id-diskors sar meta l-Istati Uniti għadha xxukkjata dwar il-massakru ta’ nofs il-ġimgħa li seħħ ġo knisja ta’ Charleston, fl-Istat ta’ South Carolina. Dakinar zgħażugħ ta’ 21 sena qatel disa’ Afrikani-Amerikani fi sparatura li qed tissejjaħ bħala reat ta’ mibgħeda.
Iż-żgħażugħ inkwistjoni, li jismu Dylann Roof u li spiċċa arrestat ftit wara mill-pulizija, tressaq il-qorti fejn kien akkużat b’disa’ każi ta’ omiċidju. Hu ma wera l-ebda emozzjoni meta l-qraba tal-vittmi tiegħu indirizzawh disrettament u qalulu li jaħfrulu għad-delitt faħxi li wettaq.
Intant, il-President Obama qal li l-Amerikani jeħtieġu jkunu viġilanti fil-konfront tar-razziżmu li qed jivvelena l-imħuħ taż-żgħażagħ minbarra li jittradixxi l-ideali tal-poplu.
//= $special ?>

