Internazzjonali

Saq għal ġo folla fi pjazza u qatel tlieta

Mietu talanqas tlett persuni, fosthom tifel ta’ seba’ snin, meta raġel saq karozza direttament għal ġo folla nies li kienu ġo pjazza fil-belt ta’ Graz, fl-Awstrija. Fl-inċident indarbu għexieren oħra ta’ nies, fost rapporti li l-vettura inkwistjoni tellgħet veloċita ta’ bejn 100 u 150 kilometru fis-siegħa.

Wara li għamel straġi mill-karozza, is-sewwieq ħareġ u attakka lin-nies li nzerta quddiemu — inklużi anzjani – bi strument tal-ponta. Ir-rapporti, imbagħad, qalu li dan ir-raġel, li jbati minn ‘psikożi relatata ma’ problemi familjari’, ma offriex reżistenza lill-pulizija li marru biex jarrestawh

Ħafna mill-inħawi ta’ Graz – it-tieni l-akbar belt Awstrijaka – ġew iddikjarati ‘no go areas’ wara l-inċident. It-traġedja seħħet waqt li, fl-inħawi, kien għaddej avveniment irrelatat mal-Grand Prix tal-Formula 1 li għandu jsir għada fl-Awstrija.

Il-Gvernatur ta’ Graz, Hermann Schuetzenhoefer qal li r-raġel arrestat għandu 26 sena u rrefera għalih bħala ‘bniedem nieqes minn kull sens ta’ raġuni’. Waqt li l-Gvernatur sostna li m’hemm l-ebda spjegazzjoni jew skuża għal dan l-aġir, l-investigazzjonijiet inizjali tal-pulizija jindikaw li l-inċident ma kienx marbut ma’ xi attentat terroristiku.