Lokali

40% biss qed jagħtu d-dawl aħdar lil Muscat

Il-gazzetta MaltaToday ippubblikat stħarriġ li għamlet fl-aħħar jiem u li minnu ħareġ li r-ratings tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat naqqsu għal darb’oħra. Meta mqabbel ma’ Marzu tal-2015, ir-ratings ta’ Joseph Muscat naqqsu bi 2% għal 40%, l-inqas persentaġġ mir-rebħa tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet sal-lum.

L-istħarriġ juri wkoll kif għall-ewwel darba wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, hemm numru ta’ votani li qalbu lura lejn il-Partit Nazzjonalista, hekk kif madwar 6% ta’ dawk li kienu ivvutaw lil Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni issa qed jgħidu li se jivvutaw lil Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

B’hekk, skont dan l-eżerċizzju, id-distakk bejn il-Labour u l-Partit Nazzjonalista niżel minn 36,000 vot għal 21,000 vot.

Il-Gvern Laburista kiseb ukoll riżultat negattiv f’dak li għandu x’jaqsam mat-tmexxija tiegħu fl-oqsma ambjentali u fit-trasparenza.