Lokali

F’Golden Bay, raġel jilgħabha mal-mewt u jiġi salvat mill-għawwiema tar-Red Cross

Raġel ta’ 72 sena kien salvat minn membri tal-Malta Red Cross fir-Ramla tal-Mixquqa, magħrufa wkoll bħala Golden Bay. Dan wara li niżel jgħum minkejja t-twissijiet li beda jingħata.

Stqarrija maħruġa minn The Malta Red Cross tenniet li, minħabba li l-baħar kellu mbatt qawwi, ingħatat twissija lil kull min kien qed jgħum fir-Ramla biex ma jinżilx jgħum f’dan it-temp. Saħansitra ttellgħu żewġ bnadar ħomor, magħrufa wkoll bħala “double-red flag”, li hi waħda mill-għola forom ta’ twissija f’ċirkostanzi bħal dawn. L-istqarrija kompliet tgħid li minkejja l-bnadar, u minkejja t-twissija tal-life guards lill-għawwiema, numru ta’ persuni xorta għażlu li jisfidaw il-kurrenti.

Dan bil-konsegwenza li r-raġel ta’ 72 sena spiċċa sab ruħu f’diffikulta biex jgħum, tant li l-għawwiema tar-Red Cross kellhom jinżlu għalih biex jagħtuh l-assistenza, f’periklu għall-ħajjithom.

L-appell imur għal dawk kollha li jħobbu jgħumu fl-ibħra Maltin, biex jimxu mal-istruzzjonijiet tal-life guards ta’ The Malta Red Cross u b’hekk jiġu evitati ċirkostanzi simili, fejn persuni setgħu jitilfgħu ħajjithom minkejja t-twissijiet.