Lokali

Gaffarena jipprova jwaqqaf lis-sidien l-oħra milli jbiegħu l-proprjeta’ lil Gvern

Il-propjeta' li kienet fiċ-ċentru ta' dan il-każ

Nhar l-Erbgħa li għadda, fetaħ proċeduri fil-Qorti

Il-każ tal-ġid li kiseb Mark Gaffarena minn lejl għal nhar qatt ma jieqaf jiżvolġi. U dan hekk kif il-gazzetta The Sunday Times of Malta llum żvelat li Mark Gaffarena ħa passi bil-Qorti kontra s-sidien l-oħra tan-nofs proprjeta’ li għadha ma spiċċatx taħt idejh fi Strada Zekka.

Dan seħħ nhar l-Erbgħa, bil-gazzetta tgħid li dan qed isir bl-għan li Gaffarena jwaqqaf lis-sidien l-oħra milli jbiegħu n-nofs proprjeta’ li fadlilhom lil Gvern.

L-istess gazzetta ttenni li jekk dawn ibiegħuha lil Gvern, mela l-pass tagħhom se jkun qed inaqqar minn profitt enormi li Mark Gaffarena jkun jista’ jagħmel jekk jakkwista n-nofs l-ieħor f’idejh qabel ma l-Gvern jesproprjaha.

Il-każ ta’ Mark Gaffarena kompla jiżvolġi wkoll b’aħbar li kienet żvelata s-Sibt, hekk kif tħabbar li art f’Hal Qormi li ġiet trasferita lil Mark Gaffarena kellha l-valur tagħha mnaqqas b’90 fil-mija mill-Periti tal-Gvern minħabba bini illegali. Dan il-bini llegali ittella’ minn Gaffarena stess.

Fi kliem ieħor, mhux talli Mark Gaffarena kiser il-liġi, iżda talli mar tajjeb ħafna finanzjarjament minħabba l-illegalitajiet tiegħu stess.

Il-biċċa art imsemmija tinkludi l-istabbiliment Taċ-Ċavett, li nbena mingħajr permess.