Il-Kap tal-Oppożizzjoni: Dak li qed nisimgħu bih huwa “the tip of the iceberg”: hemm ħafna iktar jinħema minn wara dahar il-poplu.
Il-Gvern għandu jifhem il-messaġġ tal-poplu Malti u Għawdxi: għandu jaġixxi kontra l-koruzzjoni li qed taħkmu.
Dan kien il-messaġġ prinċipali tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, f’intervista li xxandret dalgħodu fuq Radio101.
B’rabta mal-każ ta’ Mark Gaffarena, u l-mod kif sar multimiljunarju mil-lejl għan-nhar, Simon Busuttil kellu kliem iebes ħafna.
B’rabta ma’ dak kollu li seħħ fl-aħħar snin, Simon Busuttil qal li dak li qed naraw huwa biss “the tip of the iceberg“, u li jinsab konvint li hemm bosta affarijiet oħrajn jinħmew minn taħt, minn wara dahar il-poplu.
Din mhix l-ewwel darba li l-Gvern ftiehem jew iffirma kuntratti minn wara dahar il-poplu, tenna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li spjega li l-Oppożizzjoni qed tagħmel ħilitha kollha biex tikseb it-tweġibiet li qed jistenna l-poplu Malti. Imma l-Gvern qed jaħrab milli jwieġeb.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-protesta li saret is-Sibt filgħodu fil-belt Valletta, u ddeskriva l-attendenza bħala waħda storika.
Filwaqt li awgura lil missirijiet kollha l-festa t-tajba fil-jum tagħhom, Simon Busuttil temm l-intervista tiegħu billi ħabbar li l-Partit Nazzjonalista fix-xhur li ġejjin se jkun qed jipproponi numru ta’ miżuri li bihom se jkun qed inaqqas il-korruzzjoni f’pajjiżna, jekk il-Partit jingħata lura l-fiduċja tal-poplu biex imexxi fil-Gvern.
//= $special ?>

