Internazzjonali

‘Naqsmu nofs-bin-nofs’….Fejn jaslu n-nies ladarba tmut l-imħabba

It-tmiem tar-relazzjonijiet bejn il-koppji ġieli jħallu togħma morra, fost mewġa inevitabbli ta’ inkwiet u riperkussjonjiiet. Iżda każ partikolari fil-Ġermanja ħaqqu ‘l-premju’ għall-interpretazzjoni eżaġerata tal-kunċett li ‘dak li hu tiegħek jibqa’ tiegħek basta nieħu dak dovut lili’.

Fil-fatt, raġel Ġermaniż iddeċieda li jpattiha lill-eksmaħbuba tiegħu b’li jaqbad u jaqta min-nofs — litteralment — l-oġġetti kollha li huma kienu xtraw flimkien u li kienu l-proprjeta tagħhom bħala koppja.

Ir-raġel uża varjeta ta’ power tools biex jaqta ‘nofs-bin-nofs’ varjeta ta’ għamara u oġġetti elettroniċi. Fost l-oġġetti mogħtija ‘t-trattament ta’ Salamun’ kien hemm sufan, sett tat-televiżjoni, iPhone 5, mudell ta’ ors (soft-toy) u anki vettura.

Intant, jekk xi ħadd jista’ jitħajjar għall-parti ta’ quddiem ta’ karozza u ‘xi nofs-oġġett ieħor’ jista’ jagħti ħarsa fuq eBay fejn jinsabu għall-bejgħ.

Fl-istess ħin wieħed jista’ jara ‘l-massakru tal-oġġetti’ fuq YouTube bil-filmat inkredibbli jinbagħat minn ċertu ‘Der Juli’. Hu anki interessanti l-messaġġ (caption) taħt il-filmat li jaqra: ‘Nirringrazzjak għal 12 il-sena ‘mill-aqwa’ Laura !!!! M’hemmx dubju li għandek kull dritt għal nofs il-ġid komuni (tagħna) bħala koppja’.

Mur ifhem!!