Internazzjonali Unjoni Ewropea

Stennija ta’ ftehim tal-aħħar mument dwa ril-Greċja

Hemm stennija kbira li forsi fis-summit urġenti tat-Tnejn tal-mexxejja taz-zona ewro jinstab xi forma ta’ ftehim dwar il-kriżi Griega. Kriżi li trid tissolva qabel l-aħħar tax-xahar inkella l-pajjiż ifalli u dan b’konsegwenzi mhux magħrufa għall-bqija taz-zona ewro peress li aktarx il-pajjiż jispiċċa barra mill-grupp ta’ pajjiżi li jużaw l-ewro.
Alekos Flambouraris, il-Ministru tal-Istat Grieg, qal li jemmen li l-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) ma kienx se jħalli li l-Greċja tfalli. Dan hekk kif tul dawn l-aħħar ġimgħat, il-Griegi battlu l-banek mill-flus li kellhom depożitati.
Il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras qal ukoll li jemmen li jista’ jkun hemm ftehim li jirrispetta r-regoli tal-UE u d-demokrazija. Imma l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel qalet li biex ikun hemm ċaqliq, il-Greċja trid issib soluzzjoni ma’ dawk li magħhom għandha d-dejn. Ilbieraħ Tsipras informa lil Merkel kif ukoll lil Jean Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, li l-Greċja kienet lestiet proposti ġodda għal żblokk tas-sitwazzjoni.
Il-Greċja għandha anqas minn ġimagħtejn biex issib soluzzjoni kif se tħallas 1.6 biljun ewro f’dejn mal-Fond Monterarju Internazzjonali (IMF).